Lokali Qorti

Ipprova joħroġ mill-pajjiż b’passaport falsifikat wara li l-Qorti tilfet id-dokumenti tiegħu

Raġel ta’ 43 sena spiċċa fl-inkwiet wara li allegatament ipprova jħalli l-gżejjer permezz ta’ dokumenti foloz. In-Niġerjan li jaħdem fil-kisi u bħala kaħħal u li joqgħod Buġibba, deher quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima l-Ħamis u ġie mixli li għamel użu minn dokumenti foloz.

Huwa wieġeb mhux ħati. L-avukat difensur Edmond Cuschieri għamel talba għall-ħelsien mill-arrest li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha. L-ispettur Karl Roberts sostna li r-raġel kien ta’ riskju li jaħrab minn Malta u din kienet ir-raġuni għaliex il-prosekuzzjoni kienet qed toġġezzjona.

“Ir-raġel inqabad fil-fatt jipprova jaħrab,” qal l-Ispettur, li żied li l-akkużat ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta u l-familja tiegħu kollha kienet l-Italja. L-avukat difensur saħaq li r-raġel ried imur l-Italja biex jagħmel test tad-DNA biex jipprova li kien missier it-tfal tiegħu.

L-Avukat Cuschieri saħaq li r-raġel ilu Malta għal numru ta’ snin. “L-akkużat iffaċċja proċeduri kriminali quddiem dawn il-Qrati s-sena l-oħra. Huwa nstab ħati bid-dokumenti tiegħu jkunu fil-Qorti. Huwa ppreżenta numru ta’ applikazzjonijiet biex jipprova jġib lura d-dokumenti tiegħu sakemm ġie infurmat li d-dokumenti tiegħu ntilfu,” qal Dr. Cuschieri.

Ir-raġel ġie miċħud mill-ħelsien mill-arrest u nżamm arrestat.