Lokali Parlament

Jeħtieġ jissolvew anomaliji dwar l-art agrikola


Toni Bezzina, PN


Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina qal fil-Parlament li jeħtieġ jissolvew anomaliji dwar l-art agrikola.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Estimi Ministeru Artijiet u Programm Elettorali, Toni Bezzina qal li l-Awtorità tal-Artijiet f’pajjiżna hija dik l-Awtorità li għandha fdata f’idea l-ġestjoni tal-proprjetà u artijiet tal-Gvern u għalhekk għandha rwol importanti ħafna fis-settur agrikolu ta’ pajjiżna.

Dan anke fid-dawl li madwar 60% tal-art agrikola f’pajjiżna hija proprjetà tal-Gvern. Però wieħed jirrikonoxxi li l-ammont ta’ art disponibbli għall-agrikoltura huwa baxx.

L-art agrikola hija l-għodda prinċipali tal-bidwi u r-raħħal u li fuqha tiddependi l-provvista tal-ikel f’pajjiżna kif ukoll fl-istess waqt tiggarantixxi s-sigurtà fil-prezz tal-ikel f’pajjiżna.

Waħda mill-preokupazzjonijiet prinċipali tal-bdiewa hi li art agrikola tal-Gvern qed tmur għall-użu rikreattiv minflok għand bdiewa ġenwini biex ikunu jistgħu jaħdmu din l-art. Dan joħrog ċar meta art agrikola tal-Gvern qed tinkera bi prezzijiet ta’ €1,400 il-tomna, prezzijiet li l-bdiewa ġenwini u li jaqilgħu ħobżhom mis-settur agrikolu ma jaffordjawx iħallsu.

Għalkemm offerti għall-kiri ta’ dawn l-artijiet jistipulaw li min jitfa’ l-offerta għandu jkun bidwi full-time jew partime, fil-fatt hemm dubji kbar kemm ikunu bdiewa ġenwini meta qiegħdin jitħallsu dawn il-flejjes kollha għal sempliċiment kera ta’ tomna art agrikola. Għalhekk, hemm bżonn dawk il-bidliet neċessarji biex art agrikola tal-Gvern tkun trasferita biss lil bdiewa ġenwini.

Problema oħra li qiegħda tħasseb bil-bosta diversi bdiewa u raħħala, b’mod speċjali lill-Għaqda Bdiewa Attivi, hi dwar trasferiment ta’ art agrikola tal-Gvern minn fuq il-bidwi oriġinali li jkun rikonoxxut mal-Awtorità li jkun ħalla din id-dinja għal fuq bdiewa oħra li jkunu jaħdmu l-art miegħu. Għalhekk, irridu nintroduċu l-mekkaniżmu neċessarju biex dan it-trasferiment tal-art agrikola jsir bla telf ta’ ħin u mingħajr burokrazija żejda.

Il-bdiewa huma mħassba wkoll f’każ li art agrikola tal-Gvern tkun trasferita minn fuq bidwi għall-ieħor. Għalkemm dan it-trasferiment ikun jista’ jsir meta l-bidwi li fuqhu tkun se tigi trasferita l-art irid ikun ‘bona fede farmer’, wieħed irid ikun ċert li bdiewa li fuqhom tiġi trasferita art agrikola jkunu bdiewa ġenwini.
Toni Bezzina qal li inkwiet ieħor li qed jolqot ħażin lil diversi bdiewa, huwa l-fatt li għalkemm diversi bdiewa ilhom jaħdmu r-raba’ tagħhom għal għexieren ta’ snin, sal-ġurnata tal-lum għadhom bla titlu, speċjalment bdiewa b’raba’ fl-inħawi tal-Mellieħa.

Għalhekk, il-Gvern irid jirrikonoxxi din il-problema u jipprovdi soluzzjonijiet biex dawn l-anomaliji jispiċċaw darba għal dejjem. Dan anke għall-fatt li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-bidwi li jkun qed jaħdem din l-art jista’ jwassal għall-investiment neċessarju biex din l-art tibqa’ tinħadem.

Sfortunatament, il-bdiewa u r-raħħala qed jaraw lill-Awtorità tal-Artijiet bħala ostaklu għas-settur agrikolu. Għalhekk, irridu naħdmu bis-sħiħ biex pajjiżna jirrikonoxxi li s-settur agrikolu hu ta’ importanza nazzjonali għal pajjiżna u li l-art agrikola hija l-għodda prinċipali għall-bdiewa tagħna, sostrna Toni Bezzina.