Lokali Qorti

Jinżamm arrestat raġel ieħor b’rabta mas-sejba ta’ 146kg kokaina fil-Port Ħieles

Raġel ta’ 31 sena residenti ż-Żejtun inżamm arrestat b’rabta ma’ investigazzjoni mas-sejba ta’ 146 kilogramma ta’ kokaina fil-Port Ħieles, liema qabda ta’ droga hija stmata li ġġib mal-€20 miljun fit-triq.

Kurt Scicluna huwa t-tielet raġel li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ fejn fil-konfront ta’ żewġt irġiel oħra diġà bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tagħhom. Żewġt irġiel oħra jinsabu fuq police bail b’rabta wkoll ma’ dan il-każ.

Skont stqarrija tal-Pulizija, dan ir-raġel allegatament huwa involut f’dan iċ-ċirku ta’ kriminalità organizzata f’Malta. B’rabta ma’ dan l-arrest, il-Pulizija ssekwestrat ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, karozzi lussużi u ġojjellerija.

Kurt Scicluna tressaq il-Ħamis filgħodu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima akkużat bi traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u kriminalità organizzata u li sar riċediv. Scicluna, li qal li huwa kok li jaħdem għal rasu, wieġeb mhux ħati.

Fil-Qorti ma ġewx żvelati ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest ta’ Scicluna iżda fl-aħħar seduta, li fiha beda jinstema’ l-każ kontra l-akkużati l-oħra Roderick Camilleri u Darren Dimech, ġie żvelat kif twettqu r-reati. Dimech kien qal lill-Pulizija fi stqarrija li kien ġie mwiegħed bejn €5,000 u €10,000 bħala trasportazzjoni iżda qatt ma tħallas dan l-ammont.

Il-Qorti semgħet kif id-droga tpoġġiet fi xkejjer sofor immarkati bl-aħdar u bl-aħmar biex jiskappaw mill-kontrolli tal-fruntiera tal-merkanzija. Id-Difiża ta’ Scicluna ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u hu nżamm arrestat. Il-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ iffriżar kontra Scicluna.

Kien fit-13 ta’ Novembru, meta erbat irġiel ġew arrestati wara li nqabdu b’146 kilo droga li kienet destinata għas-suq lokali. Fl-ispezzjonijiet tagħha fil-Port Ħieles, il-Pulizija wettqet operazzjoni b’suċċess li wasslet għall-arrest ta’ erba’ persuni kif ukoll konfiskazzjoni ta’ din id-droga, allegatament kokaina.

Dan seħħ it-Tlieta 12 ta’ Novembru għall-ħabta tas-1.40pm hekk kif it-trailer kien ħiereġ mill-Port Ħieles. Fit-tfittxija tagħha, il-Pulizija sabet 105 kilogrammi kokaina fil-kabina wara s-seats tax-xufier u l-passiġġier, kif ukoll f’kontejner fejn instabet 41 kilogramma suspettata kokaina.

L-Ispetturi Lianne Bonello u Mark Mercieca mexxew il-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta. L-avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri rrappreżentaw lil Scicluna.