Jack Mizzi (Chess) u Tenishia Thornton (Weightlifting) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Ottubru 2024.
Jack Mizzi li għandu 18-il sena, rebaħ id-89 edizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess u għat-tielet sena konsekuttiva huwa wkoll il-Junior Champion.
Fil-Finali b’format ta’ double round robin, il-finalisti lagħbu darbtejn kontra xulxin, darba bl-abjad u darba bl-iswed. Mizzi kien l-uniku plejer li ma sofra l-ebda telfa u kiseb 8 punti minn massimu ta’ 10. Mizzi huwa wieħed mill-iżgħar rebbieħa tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess.
Min-naħa l-oħra Tenishia Thornton li għandha 19-il sena, ġiet inkurunata bħala Champion Ewropea fil-European Junior Championships li saru f’Varsavja, fil-Polonja.
Thornton bdiet bi Snatch impressjonanti ta’ 86 kilogramma u wettqet b’suċċess l-aħħar refa’ ta’ 89 kilogramma. Fil-Clean and Jerk, Thornton kellha sfida akbar, meta bdiet b’refa’ ta’ 107 kilogrammi, meta hi immirat għall-110 kilogramma, hekk kif falliet fil-Jerk. Madanakollu fl-aħħar tentattiv tagħha hija kellha refa’ spettakolari ta’ 112-il kilogramma! B’hekk Tenishia Thornton mhux biss aċċertat postha fil-quċċata imma kisbet record nazzjonali. Thornton kellha total ta’ 201 kilogramma u għaddiet lir-reffiegħa Spanjola li kellha 194 kilogramma u dik tar-Rumanija li kellha total ta’ 196 kilogramma.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lil Tenishia Thornton saret minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Clinton Buhagiar u l-Amministratur Stephen Azzopardi. Il-preżentazzjoni lil Jack Mizzi se ssir aktar tard meta huwa jirritorna lura Malta.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/
//= $special ?>