Judith Bakoush u Omar Trabelsi li huma magħrufa sew mal-Pulizija ġew ikkundannati ħames snin ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li ħames snin ilu taw in-nar karozza Mercedes li kienet ipparkjata f’bitħa komuni ta’ appartamenti fil-Belt Valletta. Il-Maġistrat Rachel Montebello semgħet lill-prosekuzzjoni tispjega l-każ li seħħ fl-10 ta’ Novembru tal-2019 għall-ħabta tat-3.30am.
Il-karozza tqabbdet fi Triq San Duminku u mill-provi ħareġ li Trabelsi wettaq ir-reat fuq struzzjonijiet ta’ Bakoush. Irriżulta, li meta qaltlu x’għandu jagħmel, fost l-oħrajn, saħqet miegħu “aħraqha sew ħalli tkun maħruqa sew”.
L-Ispettur Jeffrey Scicluna, li kien investiga l-każ, kien informa lill-Qorti kif minn filmat ta’ CCTV cameras raġel ieħor li kien kompliċi mal-koppja ntlemaħ iġib il-fjuwil u kien ħdejn min ħaraq il-karozza.
Fil-Qorti rriżulta wkoll li wara li qabbad il-karozza, Trabelsi mar għand Bakoush u qalilha li “l-missjoni hija lesta, kompluta”. Bħala att ta’ ringrazzjament Bakoush tagħtu xi droga. Fil-jum tal-inċident, in-nar kien infirex. Inħarqet anki karozza oħra kif ukoll partijiet minn faċċata ta’ blokka li tagħti għal fuq il-bitħa fejn seħħ il-każ.
Fuq il-post kienu ssejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu lir-residenti minħabba d-dħaħen li żviluppaw bin-nar. Il-Qorti ordnat liż-żewġ ħatja jħallsu €21,000 tal-ħsarat u €1,300 għall-ispejjeż tal-Qorti. Inħarġitilhom anki ordni ta’ trażżin u ta’ trattament għal tliet snin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.
//= $special ?>