Internazzjonali

L-Ukrajna:  Tinsisti li r-Russja sparat missila tat-tip ICBM  bħala eskalazzjoni tal-gwerra

L-Ukrajna qed takkuża lir-Russja dwar l-isparatura ta’ missila ballistika interkontinentali (ICBM) lejn l-artijiet tagħha – b’dan il-pass kapaċi jiftaħ dimensjoni ġdida għall-gwerra li ilha għaddejja mindu t-truppi tal-Kremlin invadew l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022.

Filwaqt li għad hemm ħafna mistoqsijiet dwar l-azzjoni, din x’aktarx hi l-ewwel darba li r-Russi rrikorrew għal arma ta’ dan it-tip tul dawn is-snin  ta’ gwerra.

Fl-istess ħin, ma kien hemm l-ebda suġġeriment li l-missila kienet qed iġġorr warhead nukleari – jew ‘tactical nuke’ li l-impatt tiegħu suppost li jkopri biss xi front ta’ battalja partikulari. Intant, qed jingħad li r-Russi, f’dan il-każ, kienu qed jimmiraw għall-infrastruttura fil-belt ta’ Dnipro u meta mhux eskluż li rriżultaw anki xi mejtin.

Il-Missili Ballistiċi Interkontinentali (ICBMs) kienu fattur ‘ta’ twerwir’ waqt il-Gwerra Bierda tas-seklu l-ieħor bejn id-demokraziji tal-Punent u l-Eks Unjoni Sovjetika komunista li r-Russja kienet tifforma parti minnha. Dan ukoll fost l-inkwiet kbir dwar il-possibbiltà ta’ olokawst nukleari. Possibbiltà li ddominat kull diskors militari matul ħafna snin fis-seklu għoxrin.

L-Istati Uniti, ir-Russja u xi pajjiżi oħra għandhom il-ħażniet tal-ICBMs li huma koperti minn sistema ta’ regolazzjoni fuq livell internazzjonali. Dawn il-missili, għalkemm armi strateġiċi, kapaċi anki jġorru l-warheads nukleari minbarra l-isplussivi konvenzjonali.

Sadanittant, ħadd ma jista’ jinjora s-sinifikat tal-isparatura rappurtata tal-ICBM lejn l-Ukrajna – u meta l-qawwiet Russi jidhru li qed jiksbu vantaġġ territorjali f’din il-gwerra anki jekk ir-reżistenza tal-Ukreni għadha qawwija.

Il-Kremlin ta’ Moska, aktar kmieni din il-ġimgħa, hedded li jkun hemm il-konsegwenzi wara li l-Armata Ukrena sparat il-missili ATACMS għal fuq id-distanzi twal lejn l-artijiet tar-Russja – u ladarba ngħatat il-permess mingħand l-Istati Uniti li pprovditilha dawn l-armamenti sofistikati.

L-Ukreni anki sparaw numru ta’ Storm Shadows lejn it-territorji tal-Federazzjoni Russa – bl-azzjoni tqanqal reazzjoni furjuża mill-propagandisti li mill-ġdid heddew lir-Renju Unit dwar ‘olokawst nukleari’ peress li dan il-pajjiż hu t-tieni l-akbar sostenitur tal-Ukrajna wara l-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, diversi osservaturi indikaw li l-eskalazzjoni tal-konflitt fl-Ukrajna x’aktarx li saret inevitabbli u li kwalunkwe ċirkustanza, issa, hi possibbli.