Internazzjonali

Maqtul f’daru stess mill-Pulizija ta’ Las Vegas wara telefonata ta’ għajnuna lil 911

Raġel ta’ 43 sena ġie maqtul mill-Pulizija ta’ Las Vegas wara li ċempel għall-għajnuna fuq in-numru Amerikan 911.

Ir-raġel kien qed jipprova jwaqqaf żewġ persuni li daħlu f’daru, bit-tifla tiegħu ta’ 15-il sena kienet qed tistaħba f’kamra fl-istess dar. Il-familja tal-missier, Brandon Durham, qed jitolbu għar-riżenja tal-uffiċjal li spara u qatel lill-vittma f’daru stess.

L-uffiċjal Alexander Bookman ta’ 26 sena qed jisħaq li hu m’għamel xejn ħażin ħlief wettaq dmiru. Bookman jinsab fuq leave amministrattiv imħallas sakemm issir analiżi interna tal-inċident li seħħ fit-12 ta’ Novembru.

Durham kien talab l-għajnuna wara li ra żewġ persuni quddiem daru jisparaw u jipprovaw jidħlu fuq ġewwa tad-dar.

Il-Pulizija, kif waslu fil-post, sabu numru ta’ karozzi fit-toroq bit-twieqi mkissrin. Ġiet innutata wkoll ħsara fil-proprjetà tal-vittma u għajjat ġej minn ġewwa.

Il-Pulizija kellhom jifqgħu l-bieb ta’ barra biex jidħlu ġewwa, fejn hemmhekk sabu lil Durham jiddefendi ruħu minn persuna b’sikkina f’idejha. Bl-uffiċjal jispara l-ewwel tir lejn iż-żewġ persuni, imbagħad jispara ħames tiri oħra lejn il-vittma.