Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika unanimament qabel li jaċċetta u jagħmel tiegħu r-rapport bil-konklużjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards dwar il-każ tal-konsulenza li ma ngħatatx mill-mara tal-Ministru Clayton Bartolo fil-Ministeru għal Għawdex u l-abbuż mill-istess żewġ Ministri.
Il-Kumitat Parlamentari, li hu kompost minn żewġ membri tal-Gvern, tnejn tal-Oppożizzjoni u ppresedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, iddiskuta dan ir-rapport f’laqgħa li saret illum waranofsinhar.
F’din il-laqgħa, għall-gvern ipparteċipaw il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut.
Fil-bidu tal-laqgħa l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathon Attard qal li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards għandu jkun adottat u żied li wara r-rapport, il-Prim Ministru diġà ddikjara li għandhom isiru riformi fil-manwal.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-Opożizzjoni tilqa’ din il-pożizzjoni li r-rapport ikun adottat u li anki r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jkunu adottati.
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna li dan ifisser li l-Kumitat qed jagħmel tiegħu d-deċiżjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards li kien hemm abbuż miż-żewġ Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri.
Mark Anthony Sammut qal li minn meta ħareġ ir-rapport kien hemm diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi u ssemmew ammonti differenti dwar il-ħlas żejjed li sar (lill-mara tal-Ministru Bartolo), dwar kif kien terminat il-kuntratt tagħha u anki ssemmew xi nies. Hu ppropona li qabel ikun hemm deċiżjoni dwar ir-rifużjoni tal-ammont, għandu jistema’ l-Kummissarju għall-Istandard flimkien maż-żewġ ministri dwar dak li ħareġ f’fora pubbliċi.
L-Ispeaker qal li r-rapport jitkellem ċar ħafna u sostna li ma jinteressahx minn dikjarazzjonijiet li saru. Hu kompla li l-ewwel għandhom jinstemgħu l-Ministri Bartolo u Camilleri.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus saħaq fuq l-importanza li jinstema’ l-Kummissarju għall-Istandards biex ikun stabblit l-ammont ta’ rifużjoni involut. Dan irid ikun stabbilit mill-Kummissarju għall-Istandards għaliex saru numru ta’ stqarrijiet b’ċifri differenti.
L-Ispeaker qal li hu kien diġà wasal għaċ-ċifra iżda mhux se jgħidha.
Il-Ministru Attard qal li ma jaqbilx li jittella’ l-Kummissarju għall-Istandards biex jixhed.
L-Ispeaker qabel ma’ din il-pożizzjoni u qal li l-Kummissarju m’għandux għalxiex jiġi quddiem il-kumitat għaliex iċ-ċifra tista’ tkun stabbilita.
Il-kumitat aġġorna għall-Erbgħa li ġej 27 ta’ Novembru 2024 fil-11 am.
//= $special ?>