Lokali

Qed tintilef il-moralità f’pajjiżna – Josef Vella l-President tal-UĦM

“Tinħass li qed tintilef l-awtorità morali. Dan isarraf fi problemi biex jittieħdu l-azzjonijiet. Dan hekk kif min jagħti parir lill-awtoritajiet irid jgħid isma’, dan mhux l-unika każ. Irridu noqogħdu attenti għax jekk ħa titlob ir-riżenja hawn, se jkollok titlobha hawn ukoll.”

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, waqt il-programm NETLIVE l-Erbgħa filgħaxija fejn flimkien ma’ Martin Balzan iddiskuta r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards dwar l-Impjieg ta’ Amanda Muscat, mart il-Ministru Clayton Bartolo.

“Meta inti jkollok sitwazzjoni fejn xi ħadd li għandu żewg A-Levels jieħu paga ta’ €70,000 fis-sena, filwaqt li mbagħad aħna bħala union ikollna sitwazzjonijiet fejn biex inżidu l-paga f’collective agreement ta’ madwar €2,000 fis-sena, dawn iridu jsegwu taħriġ ta’ level 5 diploma. U dan qed iwassal biex ħafna ħaddiema jċemplu lill-Union u jgħidulna; aħna biex ħadna €2,000 għamilna diploma u ħaddieħor ma jagħmel xejn u jieħu €70,000. Meta jiġri hekk, tinitilef il-leġittimità; l-awtorità morali biex inti tmexxi. “

Hawnhekk, Josef Vella ta l-eżempju ta’ familja fejn ma tistax tagħmel il-preferenzi bejn żewgt itfal u min jagħmel il-ħażin tippremjah, u min jimxi mar-regoli toqgħod tagħmillu l-affarijiet diffiċli. U l-istess jiġri fil-governannza. Waqt il-programm, Vella semma’ kif bħalissa l-UĦM qed tagħmel ftehim kollettiv ta’ ħaddiema maniġerjali li qed jitolbu għar-relattività li kellhom, però hemm ukoll sabu l-problemi.

“Tajjeb li ngħid li t-taħriġ huwa importanti. Għax issa ma nistgħux ngħidu li t-taħriġ u li tmur l-Università u tistudja, ma jgħoddx. Għax hekk ippruvaw jagħtu l-impressjoni. Aħna, fis-suq tax-xogħol, jekk m’intix kwalifikat jew m’għandekx is-sengħa, ma tantx għandek fejn tista’ titla’ fuq skala ta’ paga ta’ €70,000. Iġifieri l-argument bil-kontra wkoll, dawk li għandhom żewġ O-levels għandhom jieħdu €70,000?”

“Għalhekk meta tintilef l-awtorità morali, il-problema fil-pajjiż hija biex iżżomm l-ordni, tintilef il-leġittimità u meta tintilef il-leġittimità tinitlef il-fiduċja li hija l-binding factor fost il-poplu biex isegwi din l-awtorità.”

Josef Vella tkellem ukoll dwar il-poter legali tal-Gvern.

“Inti tista’ żżomm il-poter legali tiegħek, jiġifieri l-Gvern. Il-poter legali tiegħu jiksbu minn rebħa ta’ elezzjoni. L-awtorità u l-leġittimità ma għandhomx x’jaqsmu mal-poter legali. In-nies, biex jirrispettaw l-awtorità jridu jaraw ċertu fatturi fosthom li inti ġust u ekwu ma’ kulħadd. Dawn huma ingredjenti importanti.”