Sport

Rebħa mill-UEFA għar-Rumanija

Il-UEFA tat lir-Rumanija rebħa ta’ 3-0 wara li l-avversarji, il-Kosovo, ħarġu mill-grawnd bi protesta għal allegat kant diskriminatorju mill-partitarji lokali waqt il-partita tal-UEFA Nations League f’Bucharest ta’ nhar is-Sibt.

Romanija iżda ġiet ordnata tilgħab il-partita li jmiss bil-bibien magħluqa għall-imġiba razzista u diskriminatorja tal-partitarji tagħhom b’rabta ma’ kant ksenofobiku anti-Ungerija.

Il-plejers tal-Kosovo ħallew il-grawnd sekondi mit-tmiem meta l-iskor kien dak ta’ 0-0, bil-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kosovo  aktar tard takkuża lill-partitarji tal-pajjiż b’azzjonijiet offensivi u provokattivi fosthom kant ta’ ‘Kosovo s-Serbja’. Għal kuntrarju l-Federazzjoni Rumena tal-Futbol qalet li ma kien hemm “l-ebda kant razzist waqt il-partita”.

L-UEFA, fid-deċiżjoni dixxiplinarja tagħha, immultat lir-Rumanija €128,000 għall-kant u reati oħra inkluż it-tfixkil tal-innu nazzjonali u t-trażmissjoni ta’ messaġġi politiċi provokattivi mhux ideali għal avveniment sportiv.

Din hija t-tielet darba li ż-żewġ naħat iffaċċjaw azzjoni dixxiplinarja wara l-partiti tagħhom fl-aħħar snin.