Internazzjonali

Renju Unit: Imut l-Eks Viċi PM John Prescott, magħruf fost l-akbar personalitajiet politiċi

John Prescott, Eks Viċi Prim Ministru u li kien kunsidrat fost il-ġganti tal-politika Britannika moderna, miet fl-età ta’ 86 sena. Dan meta hu kien ilu l-aħħar snin ibati mill-marda Alzheimer’s.

Prescott, għal snin, kien fost l-aktar politiċi magħrufa u distinti ta’ pajjiżu u meta hu serva għal għaxar snin fil-Gvern immexxi mil-Eks Prim Ministru Laburista Tony Blair.

Dan il-politiku, qabel kien jokkupa l-karigi governattivi għoljin, anki kiseb fama bħala trejdunjonista attiv u rispettat. Intant, Prescott dam xejn anqas minn 40 sena jirrappreżenta l-kostitwenza ta’ Kingston upon Hull East fil-House of Commons ta’ Londra.

Fl-aħħar sigħat, Tony Blair u politiċi oħrajn mill-era ta’ Prescott – fosthom l-Eks Prim Ministru John Major – raddew ġieħ lill-Eks Viċi PM Britanniku bħala ‘karattru ġenwin li baqa’ jiddefendi l-valuri li kien jemmen bihom b’livell rari ta’ kapaċità u elokwenza’.