Lokali Transport

AĠĠORNATA: Ix-xogħol fil-mini se jibqa’ għaddej sa għada filgħodu b’possibbiltà ta’ iktar traffiku

Aġġornament: Fi stqarrija li ħarġet Infrastructure Malta ġie konfermat li x-xogħol li beda taħt il-mini ta’ Santa Venera fl-aħħar lejl se jibqa’ għaddej sa mill-inqas għada filgħodu. U dan iwassal għall-possibbiltà ta’ traffiku kbir anke fir-rush hour ta’ għada filgħodu.

Infrastructure Malta qalet li kellhom isiru interventi b’urġenza minħabba ħsarat li żviluppaw fit-triq. Madanakollu, fl-ebda mument ma wieġbu għall-mistoqsijiet li għamel Mark Anthony Sammut, fosthom jekk inħariġx permess bil-kundizzjoni li x-xogħol ikun lest u t-triq tkun miftuħa bla problemi sal-5am.

Dan hekk kif iċ-ċentru tal-pajjiż spiċċa kollu ġġamjat bit-traffiku li beda jinħoloq minn kmieni filgħodu u jiżdied iktar ma beda jgħaddi l-ħin, b’għadd ta’ persuni jaslu tard għax-xogħol jew għal appuntamenti li kellhom.

Aktar kmieni: Xogħol li sar dalgħodu fil-mini ta’ Santa Venera kkawża kaos kbir fit-toroq u konġestjoni ta’ traffiku fiċ-ċentru tal-pajjiż. B’sewwieqa jirrappurtaw ħinijiet twal ta’ stennija fit-traffiku sakemm qabżu l-akwati tal-mini.

Ix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut staqsa min kien responsabbli għal din id-deċiżjoni li titqaxxar parti mill-mina waqt ir-rush hour ta’ filgħodu.

Il-messaġġ ta’ Mark Anthony Sammut fuq il-midja soċjali:

Jista’ xi ħadd jispjega min ta permess li jitqaxxar it-tarmak taħt il-mini dalgħodu, f’nofs il-ġimgħa, fil-peak hours tat-traffiku, u jitħalla hekk?

Il-permess ħareġ bil-kundizzjoni li x-xogħol ikun lest u t-triq tkun miftuħa bla problemi sal-5am, jew le?

Jekk iva, intbagħtu uffiċjali ta’ Transport Malta jagħmlu spezzjonijiet biex jaraw li x-xogħol għaddej bla problemi u ħa jitlesta fil-ħin?

Min hu responsabbli ta’ dawn il-kummiedji u mmaniġġjar ħażin, li reġa’ ġġammja Malta dalgħodu?