Lokali

Żejtuni arrestat b’rabta mas-sejba ta’ 146kg droga li ddaħħlet mill-Port Ħieles

Fl-aħħar jiem issoktaw l-investigazzjonijiet b’rabta mal-qabda ta’ 146 kilogramma droga, allegatament kokaina, li ddaħħlet f’pajjiżna mill-Port Ħieles.

L-investigazzjonijiet intensivi waslu biex ġiet identifikata persuna oħra li allegatament hija involuta f’dan iċ-ċirku ta’ kriminalità organizzata f’pajjiżna, fejn ġie arrestat raġel ta’ 31 sena residenti ż-Żejtun.

B’rabta ma’ dan l-arrest, il-Pulizija ssekwestrat ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, karozzi lussużi u ġojjellerija.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tad-9:30 am, quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima u jkun akkużat bi traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u kriminalità organizzata, fost oħrajn.