Lokali Qorti

Anzjan mixli li żamm sikkina ma’ griżmejn martu jinżamm arrestat

Anzjan inżamm arrestat wara li allegatament żamm sikkina mal-gerżuma ta’ martu. Ir-raġel li joqgħod Ħaż-Żebbuġ ta’ 74 sena, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima u mixli li hedded lil martu, li weġġagħha u kkaġunalha biża’ mill-vjolenza.

Huwa ċaħad l-akkużi. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal talba għal-libertà proviżorja peress li kien hemm il-biża’ li seta’ jbagħbas il-provi, peress li martu, l-allegata vittma, għadha trid tixhed.

L-avukat difensur Silvan Pulis qal lill-Qorti li t-tfal tar-raġel kienu lesti jipprovdulu residenza alternattiva f’Ħal Safi, li kienet ‘il bogħod biżżejjed mid-dar tal-koppja. Il-libertà proviżorja għandha tiġi kkunsidrata wkoll minħabba l-età tal-akkużat.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u r-raġel inżamm arrestat.