Illum ġiet fi tmiemha l-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew li ospita f’Malta l-Partit Nazzjonalista matul dawn l-aħħar jumejn. Assemblea li, fi kliem il-President tal-PPE Manfred Weber, tlaqqgħet f’Malta f’mument deċiżiv għall-Ewropa meta qed tiġi ffurmata Kummissjoni Ewropea ġdida li l-vot fuqha se jittieħed fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla.
F’konferenza stampa konġunta fi tmiem l-Assemblea Politika mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, Weber qal li dan huwa mument importanti għaliex ifisser il-bidu tal-implimentazzjoni tal-policies li se tkun qed tattwa l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, u hu għalhekk, għall-PPE bħala l-akbar partit politiku fl-Ewropa, din il-laqgħa li saret f’Malta kienet importanti ħafna biex il-PPE jiddefinixxi l-istrateġija tiegħu għall-ħames snin li ġejjin.
Manfred Weber faħħar lill-Kap tal-PN Bernard Grech għall-mod kif mhux biss qed jirnexxilu jagħmel mill-Partit Nazzjonalista partit li qed jikber fis-saħħa tiegħu f’Malta, imma wkoll għax qed jaħdem biex ibiddel lill-PN f’partit alternattiv għall-Gvern.
Hu kompla li jinsab ċert li l-preżenza, il-vuċi b’saħħitha u l-istatura ta’ Bernard Grech fuq livell Ewropew se tgħin biex il-PN dalwaqt ikun fit-tmexxija ta’ Stat Membru tal-UE.
Minn naħa tiegħu, Bernard Grech sostna li huwa ta’ unur għalih u għall-Partit Nazzjonalista li din l-Assemblea Ġenerali kienet suċċess u ġabet flimkien f’Malta l-familja tal-PPE biex tiddiskuti materji daqstant importanti fuq livell intern imma wkoll ta’ policy bħalma huma l-politika għall-Mediterran u l-kwalità tal-ħajja fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku.
Hu esprima sodisfazzjon għall-fatt li kien proprju f’dawn il-jumejn f’Malta li l-PPE ffinalizza t-triq ’il quddiem b’rabta mal-ħatra tal-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Mediterran u qal li hu kuntent li l-PN mhux biss offra l-ispazju imma anke l-opportunità biex issir din id-diskussjoni u jkun imfassal il-pjan b’rabta mal-Mediterran kemm għall-UE u anke għall-Istati Membri, inkluż Malta.
Dwar iż-żewġ aspetti importanti diskussi mill-partiti membri tal-PPE f’Malta li ddefinixxew is-suċċess ta’ dawn il-jumejn, iż-żewġ mexxejja qablu li sew it-taħditiet fuq l-importanza tal-Mediterran u anke dawk dwar il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej huma kruċjali kemm għall-PPE imma wkoll għall-UE b’mod ġenerali.
Dwar tal-ewwel, huma fakkru fil-preżenza f’Malta għal dawn it-taħditiet ta’ msieħba bħall-Marokk u l-Libanu, pajjiż li għaddej minn żmien diffiċli, u li kienet importanti fil-kuntest tad-deċiżjoni li l-PPE jiffoka ħafna aktar fuq ir-reġjun tal-Mediterran. Il-preżenza tal-Kummissarju Ewropew futura għall-Mediterran Dubravka Šuica – li ġejja mill-familja tal-PPE fil-Kroazja – għat-taħditiet f’Malta, huwa wkoll xhieda ta’ dan.
Dwar it-tieni aspett, Manfred Weber fakkar li d-diskussjoni dwar dan is-suġġett kienet proposta u nbdiet minn Bernard Grech, u kompla li bis-saħħa tal-Kap tal-PN, l-issues diskussi fl-ambitu tat-titjib meħtieġ fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin bħat-trasport, is-sigurtà, l-infrastruttura u l-kura tas-saħħa, issa tpoġġew fuq livell Ewropew u kien diskuss x’tista’ tagħmel l-Ewropa biex tgħin ħalli jissolvew il-problemi li qed jiffaċċja l-poplu Malti f’dawn l-oqsma.
Minbarra sessjoni dwar l-affarijiet interni tal-PPE, it-tieni ġurnata tal-Assemblea Politika f’Malta inkludiet ukoll numru ta’ laqgħat bilaterali, fosthom laqgħa bilaterali bejn il-Kap tal-PN u l-Eks President tal-Ukrajna Petro Poroshenko li serva bħala l-ħames President tal-Ukrajna bejn l-2014 u l-2019.
Id-delegati żaru wkoll il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt fejn ingħaqdet mal-mexxejja tal-PPE l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Fi tmiem il-jumejn ta’ negozjati f’Malta, l-Assemblea Politika approvat unanimament id-dokument finali bil-konklużjonijiet – dokument li se jkun qed jiggwida l-politika tal-PPE għall-ħames snin li ġejjin.
//= $special ?>