Lokali

Ċiki Ċiki Ċu – attività li se ssir fil-Ħamrun iddedikata għall-familji kollha

Wara s-suċċess kbir tal-Festival taċ-Ċikkulata li sar fl-aħħar ta’ Ottubru, il-Kunsill Lokali Ħamrun se jkun qed jorganizza attività oħra fi Triq il-Kbira San Ġużepp, din id-darba, nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru bl-isem ta’ Ċiki Ċiki Ċu.

Ċiki Ċiki Ċu ġejja mill-kanzunetta popolari tal-grupp Ħamruniż ‘The Greenfields’ li bla dubju hija kanzunetta tradizzjonali li tnissel ferħ. Dak hu l-għan ta’ din l-attività li tbiddel din it-triq traffikuża, fi triq iddedikata għall-familji fil-ġurnata sabiħa tal-Ħadd, b’ħafna attivitajiet uniċi u interessanti, fosthom logħob tradizzjonali, sportivi, xows tal-moda, xows tal-klieb, rappreżentanti mid-dipartiment tas-saħħa u ħafna aktar.

Ma jonqosx ukoll is-sehem tal-għaqdiet tal-Ħamrun, inklużi l-baned tal-lokal, l-iscouts u anke il-girl guides, fejn minn naħa tagħhom se jkunu qed iwasslu ħafna attrazzjonijiet interessanti għat-tfal. Il-komunità tan-negozju ukoll se tkun qed tagħti s-sehem tagħha.

L-għan ta’ din l-attività hija li Triq il-Kbira San Ġużepp tkun tan-nies, bit-tama li mhux ta’ darba biss.

Għal din l-attività l-kunsill ħaseb ukoll fil-parkeġġ, fejn il-Kulleġġ San Ġorġ Preca – Eks Maria Reġina – fi Triq Schembri se jkun miftuħ għall-parkeġġ bla ħlas.