Huwa diffiċli li jiġi stabbilit kemm intużaw flus tal-UE biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiddiġitalizzaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom. Din is-sejba toħroġ minn rapport ġdid tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2014-2020 u 2021-2027, ġew ippjanati €2.4 biljun permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni u €13.6-il biljun addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) wara l-pandemija tal-COVID-19, b’finanzjament addizzjonali disponibbli wkoll permezz ta’ programmi oħra. Madankollu, xi Stati Membri ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex japplikaw għall-appoġġ mill-UE u biex jużawh, u dan minħabba l-kumplessità madwar l-aċċess għal diversi programmi ta’ finanzjament.
Il-pandemija tal-COVID-19 tat spinta sinifikanti lill-ħtieġa biex it-teknoloġija diġitali twassal il-kura tas-saħħa (“e-Saħħa”) fl-UE kollha. Il-pandemija żiedet ukoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni u flussi aħjar ta’ data dwar is-saħħa fil-blokk kollu. Għalkemm ir-responsabbiltà għall-politika tas-saħħa u l-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, imiss lill-UE li tappoġġa dawn l-azzjonijiet.
“Il-fondi tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa ġew ipprovduti permezz ta’ diversi programmi mmaniġġjati minn dipartimenti differenti tal-Kummissjoni Ewropea, li għandhom regoli speċifiċi u arranġamenti ta’ ġestjoni differenti”, qalet Joëlle Elvinger, il-Membru tal-QEA responsabbli mill-awditu. “Dan għamilha diffiċli għal xi Stati Membri biex jidentifikaw il-fondi tal-UE disponibbli, u ħolqilhom ostakli huma u japplikaw għal fondi”.
L-awdituri sabu li, kumplessivament, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ u gwida effettivi, u li l-proġetti awditjati fil-pajjiżi magħżula (Spanja, Malta u l-Polonja) ikkontribwew għad-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa. Pereżempju, proġett wieħed iffoka fuq it-titjib tal-monitoraġġ mill-bogħod għall-mard kroniku, filwaqt li ieħor għen biex tinħoloq pjattaforma elettronika nazzjonali tas-saħħa, u biex l-isptarijiet jiġu diġitalizzati u jiġu konnessi mal-pjattaforma nazzjonali.
Madankollu, ir-rapport tal-awditjar jixħet dawl fuq diversi problemi. Huma u jużaw il-fondi tal-UE, l-Istati Membri ffaċċjaw ostakli, bħal firxa kumplessa ta’ għażliet ta’ finanzjament, kapaċità amministrattiva insuffiċjenti, u diffikultajiet biex jiżguraw kofinanzjament nazzjonali. L-awdituri sabu wkoll li la l-Kummissjoni u lanqas il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ma għandhom stampa ġenerali komprensiva tal-fondi tal-UE li jintużaw għal proġetti ta’ diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa.
Il-Kummissjoni segwiet il-progress fid-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa taħt il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali permezz tal-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku (mill-2022) u l-indikatur tal-e-Saħħa tad-Deċennju Diġitali (mill-2023). Dawn l-indikaturi jużaw metodoloġiji differenti u għandhom skopijiet differenti, għad li jkopru aspetti simili ta’ aċċess għal rekords elettroniċi tas-saħħa. L-awditu żvela xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward, pereżempju fir-rigward tal-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-metodoloġija użata għall-għoti ta’ punteġġ.
L-awdituri jirrakkomandaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li ttejjeb mhux biss il-preċiżjoni tal-informazzjoni li hija tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati, iżda wkoll ir-rappurtar tagħha dwar l-użu tal-fondi tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa fid-diversi programmi ta’ finanzjament sal-2026.
//= $special ?>