Depty Naval u Davinder Singh, ċittadini Indjani, ġew kundannati erba’ snin ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li serqu ‘handbag’ minn fuq anzjana ta’ 72 sena li kien fih ‘hearing aid li jiswa kważi €10,000 u xi oġġetti oħra fosthom ‘credit cards’.
Huma ffaċċjaw diversi akkużi fosthom serq aggravat, użu ta’ identitajiet foloz u qligħ frawdolenti, b’Naval separatament jinstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, innutat li l-prosekuzzjoni rnexxielha tipprova li fit-2 ta’ Jannar 2023, ftit wara nofsillejl, l-akkużati serqu l-handbag tal-mara f’San Pawl il-Baħar, u ftit wara ppruvaw jużaw karti ta’ kreditu li kienu wkoll fil-handbag.
Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li dan is-serq ikkawża diffikultà kbira lill-vittma li ffaċċjat diffikultajiet fis-smigħ tagħha. Huma konsegwentement instabu ħatja ta’ serq aggravat, iżda mhux tal-akkużi l-oħra. Naval instab ħati wkoll li kiser ordnijiet tal-Qorti.
Il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reat li l-akkużati nstabu ħatja tiegħu kif ukoll l-età tal-vittma. Ġie nnutat ukoll li l-akkużati qatt, anke meta mistoqsijin dwar x’kien sar bil-handbag f’tentattiv biex jirkupraw l-apparat tas-smigħ, u li ma wrew rimors għall-azzjonijiet tagħhom.
L-Ispettur Lydon Zammit xehed li fit-2 ta’ Jannar tas-sena l-oħra għall-ħabta tan-nofsiegħa, mara ta’ 72 sena, irrapportat fl-Għassa tal-Qawra li kienet għadha kif sfat misruqa minn persuna fejn ħadilha l-handbag bil-kontenut kollu fi Triq l-Imsell, San Pawl il-Baħar.
Il-mara spjegat lill-Pulizija li waqt l-inċident hi kienet mar-raġel tagħha ta’ 84 sena, li min-naħa tiegħu pprova jsegwi lil din il-persuna li serqilha l-handbag, iżda minħabba l-età tiegħu, ma rnexxilux. Il-Pulizija qalet li kien hemm diffikultà kbira biex jikkomunikaw mal-vittma minħabba li fil-handbag hi kellha l-‘hearing aid’ u għalhekk mingħajrha ma bdiet tisma’ xejn u b’hekk kien hemm diffikultà sabiex ikun hemm komunikazzjoni bejn il-Pulizija tad-Distrett li qed jieħdu r-rapport dak il-ħin, u l-vittma.
Il-koppja anzjana spjegat lill-Pulizija li għall-ħabta tal-00:15a.m., huma kienu għaddejjin minn Triq it-Turisti għal Triq l-Imsell, u ġie persuna li mar fuq il-mara, ħatfilha l-‘handbag’ li kellha u telaq jiġri fid-direzzjoni ta’ għalqa kbira li hemm f’kantuniera u ħarab.
Il-mara spjegat lill-Pulizija li fil-baskett kellha żewġ credit cards, nuċċali, l-portmoni b’xi flus ġo fih u l-‘hearing’ aid’ li kif spjegat li kienu spiċċawlha l-batteries u għalhekk tefgħethom fil-handbag tagħha. Il-koppja qalu lill-Pulizija li l-persuna li ħadilhom l-affarijiet kien liebes kollox iswed u ta’ tul medju.
“Konna infurmati li l-BOV cashlink kienet intużat bejn is-1a.m. u s-1:30am f’diversi ħwienet f’San Ġiljan. Dan kien infurmahom mill-ewwel lill-Pulizija minħabba li bdew jirċievu SMS fuq il-mobile li l-ewwel kienet intużat imbagħad kienu qed isiru attempts li tintuża’, qalet il-Pulizija.
“Konna bgħattna ‘request’ lill-Bank of Valletta sabiex naraw it-tranżazzjonijiet li kienu saru, irriżultalna li kienu saru ħamsa fejn waħda minnhom kienet għaddiet u l-erbgħa l-oħra m’għaddewx. L-ewwel tranżazzjoni kienet fis-1am fejn din intużat fit-taxi stand ta’ Paceville fejn hemm ġie imħallas l-ammont ta’ €20.
L-Ispettur Zammit xehed li għall-ħabta tas-1am bqajna naraw il-movimenti tagħhom, fejn ukoll kellna l-konferma li fis-1am ntużat il-card, fejn għall-ħabta tas-1am, jiġifieri madwar 35 minuta jew 40 minuta wara l-inċident, jidhru ġejjin it-tnejn min-nies li dehru qed jużaw il-cards fiż-żewġt iħwienet, b’taxi minn Triq Elija Zammit, jieqfu quddiem it-taxi stand li hemm fil-pjazza u jinżlu minnha.
L-ewwel jinżel Depty Naval, li kien qiegħed bit-tracksuit, jinżel ix-xufier u jsegwih, imbagħad tinżel persuna oħra li sa’ dak il-ħin kienet għadha ma ġiex identifikat, li mbagħad ġie identifikata bħala Davinder Singh. Depty jidher li qiegħed isegwi lix-xufier għal ġot-taxi stand u hemmhekk jidher li qed iħallas dawk l-€20 għall-użu tat-taxi li kienu għamlu.
Għall-finijiet ta’ piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reat li tiegħu qed jinstabu ħatja l-imputati flimkien, inkluż il-fatt li twettaq fuq persuna anzjana, li ġie kkawżat lilha preġudizzju u skomdu għaliex spiċċat għal ċertu perijodu ta’ żmien ma tistax tisma’ peress li fil-handbag li nsterqilha kellha l-‘processor’ formanti parti mill-‘cochlear implant’ minnha meħtieġ appuntu biex tista’ tisma’.
Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-imputati ma wrew assolutament l-ebda rimors għal dak li għamlu, lanqas meta ntalbu biex tal-inqas jindikaw x’għamlu bil-handbag biex forsi l-‘processor’ seta’
jiġi rkuprat.
Ikkunsidrat ukoll in-natura tar-reat li tiegħu qed jinstab ħati Depty Naval waħdu li jikkonsisti appuntu fil-ksur tal-kondizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti Kriminali fis-17 ta’ Diċembru 2020.
Il-Qorti kkundannat liż-żewġ imputati għal erba’ snin ħabs effettiva. Barra minn hekk, huma ġew ordnati jħallsu s-somma ta’ €4,145 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.
//= $special ?>