Lokali

George Vella u Nicki Camilleri onorati bl-Honoris Causa

Il-Ġimgħa waranofsinhar fil-Basilika tal-Madonna tal-Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta l-President Emeritu George Vella flimkien mal-fundatur u Chairperson tal-Alive Foundation Nicki Camilleri ġew onorati bid-Degrees tal-Honoris Causa għal kontribuzzjonijiet siewja li għamlu għal pajjiż.

Matul iċ-ċerimonja intqal kif id-dedikazzjoni u l-impatt li ħallew fuq is-soċjetà Maltija dawn l-individwi waslu għal kontribut sinnifikanti fl-oqsma rispettivi tagħhom.

Nicki Camilleri spjega li r-riċerka tal-fondazzjoni fil-qasam mediku u sport qed twassal għal terapiji, trattamenti u djanjosi ġodda fil-qasam tal-kanċer – dan filwaqt li jiżdiedu u jinġabru l-fondi għar-riċerka f’dan il-qasam.

Camilleri spjega dwar il-ħtieġa li qatt ma nieqfu nemmnu li xi jum jew ieħor ngħixu f’dinja mingħajr il-marda qerrieda tal-kanċer.

Intant, il-President Emeritu George Vella saħaq li l-ewwel imħabba tiegħu tibqa’ l-mediċina madanakollu kienet il-politika li fetħitlu l-bibien li wasluh sabiex beda jimrah barra minn xtutna.

Vella insista li l-kilba tal-bniedem għal aktar riżorsi, rikkezzi, saħħa ekonomika u politika qed tixħet id-dinja kif nafuha illum f’aktar inkwiet.

Dan filwaqt li stqarr li l-bniedem ma tgħallem xejn mill-passat u qed iwassal għal dinja ta’ inugwaljanza.

Huwa stqarr li hemm min huwa fgat fil-ġid u ħela, u min li qed jispiċċa jiċċaħħad mid-drittijiet umani.

Jattendu għal din iċ-ċerimonja kien hemm fost oħrajn il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono kif ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu AnnMarie Grech.