Lokali

Id-delegazzjoni tal-EPP iżżur il-Palazz tal-Granmastru

Bosta delegati tal-Partit Popolari Ewropew minn madwar l-Ewropa żaru l-Palazz tal-Granmastru fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta – żjara li saret l-Ġimgħa waranofsinhar fejn numru ta’ mexxejja barranin u politiċi Ewropej kellhom iċ-ċans jieħdu togħma żgħira tal-istorja rikka ta’ pajjiżna.

Bil-gwida li kien qed jakkumpanja lill-mexxeja jispjega li l-binja tal-Palazz għandha bosta ġrajjiet marbutin magħha… binja li rat avvenimenti kbar f’pajjiżna.

Ġie spjegat ukoll li Hertiage Malta, li hija l-entità responsabbli minn dan il-palazz, għandha madwar 45 sit u 25 mużew madwar pajjiżna.

Intant, f’din iż-żjara sar magħruf ukoll li Hertiage Malta kisbet madwar €18-il miljun minn fondi Ewropej sabiex isir restawr fuq dan il-palazz fil-qalba tal-Belt. Ir-restawr wassal biex f’ċertu kmamar kien hemm mas-17-il faxxa dekorattiva li ħadu lura l-ħajja.

F’din iż-żjara l-mexxejja setgħu jżuru l-post li kien iservi bħala l-kamra tar-rappreżentanti sal-2015, u li issa saret mill-ġdid il-kamra tal-armerija, bil-membri tal-EPP iżuru wkoll is-Sala tat-Tron.

Iż-żjara kienet koordinata mill-kuratur tal-Heritage Malta Emmanuel Magro Conti.

Preżenti għal din iż-żjara kien il-President tal-EPP Manfred Weber, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Kap tal-PN Bernard Grech, flimkien mal-Eks Sindku Nazzjonalista tal-Belt, Chrstian Micallef.