Lokali Qorti

Ifalli tentattiv ta’ serqa fuq anzjana wara li binha ra l-inċident fuq is-CCTV

Tentattiv biex persuna twettaq serqa minn dar falla wara li raġel induna li xi ħadd kien daħal fid-dar ta’ ommu anzjana. Dan meta ra persuna mhux familjari fid-dar fuq CCTV. L-akkużata, mara trans identifikata fil-Qorti bħala Renald Falzon, tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima akkużata b’attentat ta’ serq.

L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet lill-Qorti li kien daħal rapport fejn raġel kien mar għand il-Pulizija biex jinfurmahom li kien għadu kemm waqqaf lil xi ħadd milli jipprova jisraq lil ommu. Il-mara, li għandha qrib id-90 sena u tbati mid-dimensja, kienet tgħix fl-appartament eżatt taħt binha u sar konxju li xi ħaġa kienet ħażina meta sema’ l-ħoss ta’ xi ħadd ieħor dieħel fid-dar.

Ir-raġel iċċekkja s-CCTV camera li kien installat fid-dar ta’ ommu u ra li kien hemm persuna li qisha qed tipprova tevadi lil ommu. Huwa intervjena u l-mara telqet mill-post. Il-Pulizija qalet li r-raġel kien tahom il-filmati u setgħu jikkorraboraw il-verżjoni tiegħu ma’ dak li kien seħħ,

Is-CCTV wera li l-akkużat kien taparsi waqqa’ xi ħaġa mal-art ħdejn cupboard, tgħawweġ u fetaħ l-armarju bil-moħbi. Il-filmati mbagħad wera lill-akkużata toħroġ borża mill-armarju u mbagħad tpoġġiha fil-borża tal-akkużata stess.

Il-Pulizija setgħet ukoll tidentifika lil Falzon mill-filmati. Falzon ta’ 49 sena qalet lill-Qorti li ma taħdimx peress li tirċievi kura psikjatrika. Hija wieġbet mhux ħatja tal-akkużi. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal talba għal libertà proviżorja, u qalet li xhieda ċivili għad iridu jixhdu.

Id-difiża sostniet li l-Qorti tista’ timponi kundizzjonijiet suffiċjenti fuq l-akkużata biex ma tħallihiex tavviċina lix-xhieda. Żieded tgħid li peress li l-inċident inkwistjoni nqabad fuq CCTV, ma kien hemm l-ebda riskju materjali li din l-evidenza tista’ tiġi mbagħbsa.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li ma kinitx konvinta li Falzon kapaċi żżomm mal-ordnijiet tal-Qorti u għalhekk inżammet arrestata.