Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: ‘It-theddida ta’ gwerra nukleari hi dovuta għall-politika ostili minn Washington’

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong Un, qal  li ‘qatt qabel’ ma kien hemm sitwazzjoni fejn it-theddida ta’ gwerra nukleari kienet daqstant kbira. Dan il-kliem huma, ftit jew wisq, ‘eku’ tal-kummenti ta’ Donald Tusk għalkemm żgur ma kenux intenzjonati bħala ripetizzjoni ta’ kliem il-Mexxej Pollakk.

Kim Jong Un, intant, iwaħħal din is-sitwazzjoni ‘fil-politika ostili u aggressiva tal-Istati Uniti lejn il-Korea ta’ Fuq’.

Hu qal li pajjiżu u l-Korea t’Isfel qed jiffaċċjaw stat ta’ konfrontazzjoni ta’ periklu akut u li jista’ jeskala fl-aktar konflitt termonukleari distruttiv li qatt rat id-dinja. Kim Jong Un tenna anki li l-Korea komunista ma tistax tiddiskuti aktar mal-Istati Uniti, waqt li sostna li ‘l-atteġġjament aggressiv ta’ Washington mhu se jinbidel qatt’.

Il-kummenti ta’ Kim ingħataw fost tħassib kbir dwar ir-rabtiet – fuq diversi livelli, inkluż militari – bejn il-Korea ta’ Fuq u r-Russja. Hu kalkulat li r-Russja, din is-sena, ipprovdiet lill-Korea komunista b’aktar minn miljun barmil żejt bi skambju mal-armamenti u t-truppi li qegħdin jgħinu lill-qawwiet Russi fil-gwerra mal-Ukrajna.