Il-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk, qal li l-gwerra tal-Ukrajna x’aktarx li tinsab qrib sitwazzjoni fejn tirriżulta evastanti u katastrofika għad-dinja kollha. Dan wara li r-Russja sparat missila ħipersonika ġdida f’din il-gwerra li fetħet xenarju kompletament ġdid għall-konflitt peress li l-missila ma ntużat qatt f’sitwazzjoni ta’ konflit dirett bejn żewġ pajjiżi.
Fil-verità, rari kien hemm sitwazzjoni fejn l-użu ta’ arma partikulari kellha tiġġenera daqstant ansjetà u dibattitu fuq livell dinji. Dan wara li l-belt Ukrena ta’ Dnipro, f’nofs il-ġimgħa, spiċċat bħala ‘esperiment’ għar-Russi biex jevalwaw l-effettività tal-missila. – missila li skont il-propagandisti f’Moska kapaċi ‘l quddiem tintuża kontra pajjiżi alleati mal-Ukreni.
Intant, Donald Tusk wissa li t-theddida ta’ konflitt globali issa saret ‘aktar serja u reali’ minn qatt qabel.
Fl-istess ħin, il-Ministru tad-Difiża tal-Iżvezja, Pål Jonson, wara taħditiet mar-Rappreżentanti tal-Gvern Ukren fi Stokkolma, qal li ‘se jfallu żgur l-isforzi biex jiskoraġġixxu lill-Punent milli jkompli jagħti l-appoġġ lill-Ukrajna’.
Fil-preżent, it-tensjoni fi Kiev u bliet oħrajn tal-Ukrajna hi akbar mis-soltu, bil-Gvern jiddeċiedi biex jipposponi sessjoni fil-Parlament fost l-inkwiet li l-qawwiet Russi għandhom imexxu sensiela ta’ attakki diretti fuq id-distrett amministrattiv fil-kapitali Ukrena.
//= $special ?>