Fi stqarrija maħruġa minn bosta għaqdiet ġie spjegat kif nhar it-Tlieta li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela mar ixennaq lill-iżviluppaturi bl-idea ta’ bidla fil-Pjanijiet Lokali li tiftaħ il-bibien beraħ għall-bini f’kull rokna tal-gżejjer tagħna.
Intant, il-Prim Ministru daħaq bil-poplu Malti b’wegħdiet ta’ riforma fil-liġi tal-appelli tal-ippjanar li ma żammx. Din il-liġi bħalissa tippermetti lill-iżviluppaturi jibnu mingħajr permess definittiv.
Ir-riforma ġiet imwiegħda għall-ewwel darba mill-Prim Ministru f’Mejju tas-sena l-oħra u minn dak iż-żmien ’l hawn ġiet riaffermata bosta drabi.
Wara konferenza stampa barra Kastilja fl-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, koalizzjoni ta’ NGOs u gruppi ta’ residenti talbu formalment laqgħa urġenti mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ippjanar biex jiddiskutu żewġ kwistjonijiet serji ħafna. L-ewwel waħda hija l-istrutturi illegali dejjem ifaqqsu, sturtturi li minkejja li l-permessi tagħhom jiġu revokati mill-Qorti, ħafna drabi jilħqu jitlestew waqt li jkunu għadhom għaddejjin l-appelli. It-tieni kwistjoni tittratta n-nuqqas ta’ rispett mill-Awtorità tal-Ippjanar lejn is-sentenzi tal-Qorti, b’permessi għal żviluppi diġà meqjusa illegali mill-Qorti maħruġa xorta waħda.
Il-Ministru tal-Ippjanar, Clint Camilleri, wieġeb għal din it-talba billi ċaħad il-laqgħa proposta mal-NGOs u naqas li saħansitra jirrikonoxxi l-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tmur kontra s-sentenzi tal-Qorti.
Madankollu, huwa wiegħed li sal-aħħar ta’ Settembru se jiġi ppreżentat abbozz ta’ riforma tal-liġi tal-appelli lill-NGOs. Issa wasal tmiem Novembru, u għad m’hemm l-ebda sinjal ta’ din ir-riforma tant mistennija.
Ir-residenti u l-organizzazzjonijiet ikomplu jerfgħu l-piż li jisfidaw id-deċiżjonijiet abbużivi tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Qorti. Madankollu, anke dawn l-isforzi ħafna drabi jsiru għalxejn, peress li l-iżviluppaturi sadanittant jitħallew ikomplu bil-kostruzzjoni, u ma tittieħed l-ebda azzjoni biex jitneħħew l-istrutturi illegali wara li l-permessi tagħhom jiġu revokati.
Dan wassal għal proliferazzjoni ta’ bini illegali madwar Malta u Għawdex, bħall-pixxini illegali ta’ Joseph Portelli fl-ODZ tal-Qala u l-penthouses illegali tiegħu fis-Sannat.
Il-fatt li l-Gvern jirrifjuta li jirriforma dispożizzjoni sfaċċatament inġusta fi ħdan il-liġi, filwaqt li fl-istess ħin jagħmel minn kollox biex jaqdi l-interessi tal-iżviluppaturi, huwa tassew allarmanti. Billi jipprijoritizza l-profitti privati fuq il-governanza, il-Gvern qed iwarrab il-kwalità tal-ħajja tagħna mingħajr mistħija ta’ xejn, jimmina d-demokrazija tagħna, u jissagrifika l-gżejjer tagħna għall-forzi tar-regħba.
Din l-istqarrija ġiet iffirmata minn Tuna Artna Lura; BirdLife Malta; Din l-Art Ħelwa; Flimkien għal Ambjent Aħjar; Għawdix; Moviment Graffitti; Nature Trust Malta; Ramblers’ Association Malta; Wirt Għawdex; u The Archaeological Society Malta.
//= $special ?>