L-Alleanza tan-NATO qed tinsisti li l-missila ballistika ġdida li l-qawwiet Russi sparaw lejn il-belt ta’ Dnipro, fl-Ukrajna, mhix se taffettwa r-riżultat finali tal-gwerra li ilha minn Frar tal-2022. Intant, il-messaġġ tal-Alleanza hu li l-iżvilupp – minkejja li perikoluż – m’għandux iħalli xi impatt deċiżiv għal dan il-konflitt,
In-NATO, mill-ġdid, għamlitha ċara li se tkompli tagħti l-appoġġ kollu lill-Ukrajna li qed tiġġieled għas-sovranità u l-identità tagħha fi żmien meta l-qawwiet ta’ Vladimir Putin qegħdin jokkupaw diversi territorji tal-Ukreni.
Ir-Russja, nhar il-Ħamis, użat għall-ewwel darba missila ballistika ħipersonika kontra l-Ukreni bħala azzjoni li, fi kliem Moska, kellha sservi ta’ twissija lill-Punent li l-Kremlin għandu jwieġeb b’mod determinat għad-‘deċiżjonijiet u għażliet irresponsabbli tal-Alleati tal-Ukrajna b’konsegwenza diretta għall-gwerra’.
Madankollu, Farah Dakhlallah, bħala l-kelliema għan-NATO, sostniet li dan il-kliem mhux se jbeżża’ lill-Istati membri tal-Alleanza milli jipprovdu s-sostenn meħtieġ lill-Ukrajna fi żmien daqstant delikat.
In-NATO hi konxja li jekk l-Ukrajna toħroġ telliefa mill-gwerra, hemm kull possibbiltà li Vladimir Putin ikompli bil-politika ta’ espansjoni tal-artijiet ikkontrollati minn Moska. Dan bħala parti mill-ossessjoni tiegħu biex jibni federazzjoni ġdida – taħt il-kontroll tal-Kremlin – li tkun ftit jew wisq simili għall-Eks Unjoni Sovjetika komunista.
F’xenarju bħal dan, l-ebda minn fost l-Istati ġirien tar-Russja ma jistgħu jħossuhom ħielsa minn xi periklu ta’ aggressjoni – u meta fost dawn hemm il-Polonja, flimkien mal-Istati Baltiċi tal-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja; ilkoll membri tan-NATO u li darba kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika li sfaxxat fil-bidu tas-snin disgħin.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte se jiltaqa’ mal-President Amerikan-elett Donald Trump biex flimkien jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-Ukrajna. Rutte jinsab fi Florida għal laqgħat ‘ipprogrammati’ ma’ Trump fir-residenza tal-President-elett f’Mar-a-Lago, fl-inħawi ta’ Palm Beach.
Intant, hemm stennija kbira għat-taħditiet ta’ emerġenza bejn NATO u l-Ukrajna li se jsiru fi Brussell nhar it-Tlieta u li fost oħrajn se jitrattaw l-użu tal-missila ħipersonika ġdida min-naħa tar-Russi.
Dan meta r-Russja għadha tinsisti li fost il-kundizzjonijiet li għandha titlob għal kwalunkwe waqfien mill-ġlied hemm il-kundizzjoni li l-Ukrajna ‘ma ssir qatt parti mill-Alleanza tal-Punent’.
Fl-istess ħin, il-President Russu Putin qal li l-Punent għandu jiffaċċja aktar ‘reazzjonijiet li ma jkunx lest għalihom’ f’każ li l-Istati alleati ta’ Kiev jibqgħu jissupplixxu lill-Ukreni bl-armi għal fuq id-distanzi twal u li kapaċi jintużaw kontra l-ibliet fir-Russja.
//= $special ?>