Luke Micallef u Lisa Bezzina kkonsolidaw il-vantaġġ tagħhom fir-Road Running League, wara li kisbu t-tieni rebħa minn daqstant tlielaq, din id-darba tellieqa ta’ 5km organizzata minn Evolve Endurance Club f’Ta’ Xbiex.
It-tellieqa tal-irġiel kienet waħda ferm kompetittiva u missielta, b’Micallef ta’ Pembroke jirbaħ f’ħin ta’ 14:57, sitt sekondi quddiem Gabriel Farrugia ta’ Evolve, b’Dillon Cassar tal-Mellieħa fit-tielet post fejn daħal bl-eżatt quddiem Simon Spiteri ta’ St. Patrick, bit-tnejn jirreġistraw l-istess ħin ta’ 15:09.
Lisa Bezzina wkoll għamlithom tnejn minn tnejn, hekk kif temmet il-ġirja tagħha f’ħin ta’ 18:33. It-tim ta’ Pembroke ddomina kompletament it-tellieqa tan-nisa, b’Rosalie Borg it-tieni b’18:48 u Ritianne Zammit it-tielet f’19:52. Dan ir-riżultat jippermetti lil dan it-tim biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-klassifika tal-kampjonat tal-klabbs quddiem Mellieħa AC u Żurrieq.
Min-naħa l-oħra, kampjonat miftuħ beraħ fost l-irġiel, b’Mellieħa AC fil-vantaġġ, quddiem Evolve Endurance Club u Żurrieq AC.
Il-kampjonat, li qed isir fuq sitt tlielaq, jasal fin-nofs tiegħu fl-1 ta’ Diċembru b’tellieqa oħra ta’ 5km, din id-darba organizzata minn Rush Athletics Club f’Ħal Safi.
//= $special ?>