Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ikkundanna bla tlaqliq il-mandat li l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġet għall-arrest tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.
Biden qal li l-mandat għandu jitqies bħala ‘azzjoni eċċessiva’ anki jekk il-Qorti bbażata f’The Hague, insistiet li hemm ir-raġunijiet validi għall-azzjoni.
Il-Qorti ħarġet anki mandati għall-arrest ta’ Yoav Gallant, l-Eks Ministru tad-Difiża Iżraeljan u Mohammed Deif, Kmandant tal-grupp Ħamas u terrorista li skont l-Iżraeljani kien inqatel ftit xhur ilu waqt attakk tal-ajru fuq Gaza.
L-Imħallfin f’The Hague qalu li hemm biżżejjed materjal biex Netanyahu, Gallant u Deif jispiċċaw suġġetti għal proċess tal-qorti dwar ‘responsabbiltà’ għal reati tal-gwerra waqt il-konflitt bejn Iżrael u l-Ħamas li ilu aktar minn sena.
L-Istati Uniti u l-Ewropa, madankollu, ma jaqblux dwar il-validità tal-mandati, b’numru ta’ pajjiżi Ewropej isostnu li se jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-ICC.
Fl-istess ħin, il-Gvern tar-Renju Unit ħareġ stqarrija biex jgħid li jirrispetta l-indipendenza ta’ din il-qorti internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, Biden qal li, irrispettivament minn dak li qed timplika l-qorti, ma hemm l-ebda similarità bejn Iżrael u l-Ħamas u li l-Istati Uniti dejjem se tappoġġja lill-Iżraeljani kull meta jkun hemm it-theddid għas-sigurtà tagħhom.
Kemm Iżrael kif ukoll il-Ħamas qegħdin jiċħdu għall-allegazzjonijiet tal-ICC.
//= $special ?>