L-espert tal-Qorti Sam Sittlington se jixhed b’mod virtwali fil-każ tal-Vitals, hekk kif il-Ġimgħa l-Qorti kienet infurmara li ma jistax jidher personalment. Il-każ kontra l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, l-Eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, u oħrajn akkużati b’“delitti anqas gravi” konnessi mal-iskandlu ta’ ftehim fl-isptarijiet kompla bil-Maġistrat Leonard Caruana jippresiedi l-kumpilazzjoni.
Matul is-seduta, l-esperti ppreżentaw fatturi, rendikonti bankarji, u sentenzi tal-Qorti. Il-prosekutur ewlieni Francesco Refalo informa lill-Qorti li Sittlington, espert forensiku li ħadem fuq l-inkjesta tal-Vitals, mhux se jkun disponibbli għal kontroeżami personalment.
Minflok, talab jixhed permezz ta’ ‘video conferencing.’ Il-Qorti rrikonoxxiet it-talba, u s-sottomissjonijiet dwar il-kwistjoni se jsiru bil-miktub. Sittlington huwa fost 26 analista u espert forensiku li l-involviment tagħhom qed jiġi kkontestat mill-akkużati.
Huwa ffaċċja pressjoni mit-tim tad-difiża, li akkużawh li uża r-rwol tiegħu bħala espert tal-Qorti biex jassigura pożizzjoni għolja tiegħu bħala konsulent tal-Pulizija. Fost l-akkużati hemm l-Eks Ministru tas-Saħħa u Viċi Prim Ministru Chris Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna u Eks Ministru tal-Finanzi; u diversi oħrajn, fosthom Ronald Mizzi ta’ 41 sena, Segretarju Permanenti; Alfred Camilleri ta’ 64 sena llum pensjonant; Joseph Rapa ta’ 57 sena, li huwa uffiċjal pubbliku; l-Avukati Kenneth Deguara ta’ 44 sena, Kevin Deguara ta’ 47 sena, Jean Carl Farrugia ta’ 48 sena, Deborah Anne Chappell ta’ 37 sena, Bradley Gatt ta’ 43 sena, Aron Mifsud Bonnici ta’ 50 sena.
Akkużati wkoll James Camenzuli ta’ 53 sena li kien il-fotgorafu personali ta’ Joseph Muscat u tal-Partit Laburista, Manuel Castagna ta’ 50 sena li huwa accountant; u Robert Borg ta’ 50 sena li huwa awditur. Dan il-grupp jinkludi avukati, impjegati taċ-ċivil, u membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni li ta l-kuntratt bi qligħ biex imexxu tliet sptarijiet statali – l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – lill-Vitals Global Healthcare fl-2015.
Steward Healthcare assuma l-kontroll ta’ il-konċessjoni fl-2018. L-akkużati kollha qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi li jinkludu frodi, misapproprjazzjoni, u qligħ frawdolenti relatati mal-ftehim tal-isptar. B’differenza mill-ewwel grupp ta’ individwi akkużati b’rabta mal-iskandlu, dan il-grupp ma jiffaċċjax akkużi ta’ tixħim jew ‘trading in influence’.
F’Mejju li għadda inkjesta wasslet għal akkużi wkoll kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u sħabu għal reati aktar serji.
Waqt is-sessjoni xehdet il-kontrollur finanzjarju Bernice Bugeja li hija kienet inkarigata li teżamina ‘box files’ tal-invoices. Ir-rwol tagħha kien jinvolvi li tidentifika min tħallas, kemm, u għal xiex, u jekk il-kriterji tal-ħlas kinux ġew sodisfati. Hija nnotat li xi fatturi kienu relatati ma’ dan il-każ, filwaqt li oħrajn kienu jappartjenu għal inkjesti maġisterjali mhux relatati.
Il-Qorti ddeċidiet li jiġu ppreżentati biss fatturi rilevanti, filwaqt li l-oħrajn se jgħaddu minn aktar analiżi. Id-deputat reġistratur Marbeck Spiteri ppreżentat sentenzi tal-Qorti minn każ imressaq minn Adrian Delia kontra l-gvern ta’ Malta.
Dawn is-sentenzi wasslu għall-annullament tal-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat ukoll l-annullament, u qalet li seħħet “kollużjoni bejn Steward u uffiċjali għolja tal-gvern jew l-aġenziji tiegħu.”
L-avukati difensuri argumentaw li dawn is-sentenzi ma kinux ammissibbli bħala evidenza f’dan il-każ. Anthony Cachia, Eks Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti, xehed dwar laqgħa fil-25 ta’ Marzu, 2015, mas-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi u rappreżentanti minn Projects Malta biex jiddiskutu t-teknikalitajiet tal-konċessjoni tal-isptar.
Spjega li l-adeżjoni ta’ Malta fl-UE enfasizzat nuqqas ta’ regolamentazzjoni għall-konċessjonijiet tas-servizz pubbliku, li wassal lill-pajjiż biex jintroduċi liġijiet rilevanti fl-2016. Waqt il-laqgħa tal-2015, Cachia u oħrajn iddeterminaw li l-konċessjoni tal-isptar tissodisfa d-definizzjoni ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku. Konsegwentement, Projects Malta, aktar milli d-Dipartiment tal-Kuntratti, kienet inkarigata li tmexxi l-proċess tat-tender.
Il-każ se jkompli fis-17 u l-21 ta’ Jannar.
//= $special ?>