Lokali

L-iskandlu tal-mara ta’ Bartolo: Pressjoni fuq il-Kummissarju biex jitressqu l-Qorti

L-għaqda Repubblika preżentat ittra uffiċjali lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga l-frodi li twettqu mill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri, wara li taw job fantażma lill-mara ta’ Bartolo.

Fl-ittra mibgħuta mill-avukat Jason Azzopardi, Repubblika qed titlob li jitressqu l-Qorti ż-żewġ Ministri, il-Kap tas-Segretarjat ta’ Clint Camilleri Michael Buhagiar, lill-Advisor fil-Ministeru tat-Turiżmu John Grima u anke lil Amanda Muscat – il-mara tal-Ministru Bartolo.

Fl-ittra jingħad li dawn kollha wettqu assoċjazzjoni kriminali sabiex ikkommettew dan ir-reat, fejn instab li l-mara tal-Ministru ngħatat job ta’ konsulenza b’paga ta’ €70,000 iżda qatt m’għamlet dan ix-xogħol.

Apparti minn hekk, Repubblika qed titlob li anke l-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Glenn Micallef, ikun investigat minħabba l-ingaġġ ta’ dan il-job fantażma.