Lokali

“Li kieku kont tħobb il-partit ma kontx tagħmel hekk”

Kieku tħobb il-Partit ma kontx tagħmel hekk – nafu li llum żgur li se tinqabad, barra li mhux sew. Dawn affarijiet tat-tfal.

Sostniet dan waqt il-programm “Il-Każin” l-avukat Anna Mallia meta kkummentat fuq l-iskandlu li l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri spiċċaw imċappsin fih b’rabta mal-impjieg mogħti proprju lil min illum hi l-mara ta’ Bartolo, Amanda Muscat.

L-avukat Mallia spjegat li fiż-żmien li qed ngħixu fih illum, bit-teknoloġija, huwa inevitabbli li tinqabad. U ddeskriviet l-aġir tagħhom bħala infantili.

Iżda minkejja kollox, skont l-Avukat Mallia, ma taqbilx li għandhom jirriżenjaw mill-kariga ministerjali.

Dan minkejja li kissru b’mod sfaċċat l-etika, minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom, minkejja li konxji li Muscat ma kinitx qed tagħmel ix-xogħol li kienet qed titħallas għalih tawha promotion u żieda fil-paga.

Minkejja n-nepotiżmu, l-għajta Laburista għal meritokrazija, minkejja li flimkien mar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista anke dawk Laburisti qablu li jadottaw ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards… minkejja li fil-passat il-Prim Ministru Robert Abela keċċa lill-issa Eks Ministru Justyne Caruana fuq każ simili… Clayton Bartolo u Clint Camilleri deċiżi li jibqgħu fejn huma.

Dan ifisser li minkejja kollox, il-Partit Laburista biddel l-uċuħ iżda l-mentalità fit-tmexxija baqgħet l-istess.

Tajjeb wieħed jinnota wkoll li minkejja li kellhom stedina miftuħa għad-diskussjoni waqt dan il-programm, il-Partit Laburista ma bagħat lil ħadd għad-dibattitu ma’ Jon Mallia. Preżenti f’isem il-PN kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino.