Il-Prim Ministru jiġi fi kliem il-Partit Nazzjonalista, jikkonferma li l-PN għandu l-aħjar pjan għall-ippjanar tal-iżvilupp f’pajjiżna
Il-Prim Ministru Robert Abela ġie fi kliem il-Partit Nazzjonalista u issa qed jgħid li l-Pjani Lokali huma skaduti, ma jindirizzawx ir-realtajiet tal-lum, u wasal iż-żmien li jiġu riveduti. Din hija U-turn oħra ta’ Abela li ħarġet fil-beraħ aktar kmieni din il-ġimgħa meta kien qed jindirizza l-konferenza tal-KPMG dwar is-suq tal-proprjetà.
Sal-lum Abela kien qed jirrifjuta li ssir reviżjoni tal-Pjani Lokali ta’ Malta u Għawdex imma issa qed jiddikjara li l-Gvern ma għandux joqgħod lura milli jieħu deċiżjonijiet diffiċli jew kontroversjali.
Anke jekk fl-istqarrija uffiċjali bid-diskors tal-Prim Ministru dan ma ġiex irrappurtat, Robert Abela – li dejjem imblokka kull diskussjoni dwar tibdil fil-Pjani Lokali bl-iskuża li dan mhux possibbli – qal lill-istakeholders waqt din il-konferenza li l-Pjani Lokali ma jirriflettux il-ħtiġijiet tal-lum u li dawn għandhom jiġu riveduti.
B’hekk, il-Prim Ministru, fil-konferenza nazzjonali ta’ Property Malta, ikkonferma li l-pjan tal-Partit Nazzjonalista għall-ippjanar tal-iżvilupp, kif ukoll għall-oqsma tal-kostruzzjoni u tal-propjetà, huwa l-pjan li pajjiżna għandu bżonn, u huwa l-aħjar pjan.
Ta’ min ifakkar li l-Ministru tal-Ippjanar ma lissinx kelma waħda dwar l-ippjanar fid-diskors tiegħu fil-Parlament dwar l-Estimi tal-Ministeru tiegħu għall-Budget 2025, meta suppost li l-Ministru Clint Camilleri kellu jippreżenta l-ħsibijiet għas-settur f’isem il-Gvern fil-Parlament. Minkejja f’dan, ma sabx minuta waħda biex jispjega x’inhu l-pjan tal-Gvern għall-ippjanar tal-iżvilupp. Dan minkejja li s-sistema tal-ippjanar f’pajjiżna tinsab staġnata u dan qed iħalli effett negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jikkritika lill-Gvern li naqas mill-obbligu tiegħu li jirrevedi l-Pjani Lokali. Minflok, il-Gvern daħħal policies ambigwi u kontradittorji li ħolqu konfużjoni sħiħa, li qed naraw u mmissu ta’ kuljum. Għall-Partit Nazzjonalista kwalunkwe bidliet fil-Pjani Lokali jridu jkunu olistiċi, favur l-ambjent u jirrispettaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Dan kollu huwa konferma ta’ dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti dwaru sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, jiġifieri li Malta għandha bżonn urġenti ta’ viżjoni ċara u koerenti għall-ippjanar, ibbażata fuq riċerka wiesgħa u l-istudji neċessarji, fosthom il-Carrying Capacity Study. Din il-viżjoni għandha tkun ippjanata fi Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp aġġornat u tradotta b’mod ċar u trasparenti fi Pjani Lokali riveduti b’mod olistiku.
Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jaħdem biex niksbu ċertezza, sigurtà, u serħan tal-moħħ, noħolqu pajjiż aktar sabiħ u ambjenti aktar sani, flimkien ma’ żvilupp sostenibbli biex verament ikollna pajjiż ta’ kwalità u kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna, għalina u għal dawk li ġejjin warajna.
Din l-istqarrija ġiet iffirmata minn Stanley Zammit, Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet u Rebekah Borg, Shadow Minister għall-Ambjent.
//= $special ?>