Sport

Valletta St Paul’s jibqgħu b’punti massimi wara rebħa diffiċli

Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Valletta St Paul’s baqgħu b’punti massimi wara ħames logħbiet hekk kif għelbu lil San Ġiljan Saints 4-2.

Kienet logħba ferm akkanita bil-Beltin li xejn ma sabuha faċli kontra l-Ġiljaniżi li lagħbu l-aqwa logħba tal-istaġun. Valletta marru minn fuq fit-12-il minuta permezz ta’ Dylan Grima sabiex seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Jamie Bowlby Whiting ġab l-iskor indaqs għas-Saints.

Fit-tieni taqsima, San Ġiljan ħarġu tajjeb u marru minn fuq b’gowl sabiħ ta’ Robert Veskimae. Il-Beltin żiedu l-aggressività u skorjaw tliet darbiet f’temp ta’ 20 minuta permezzz ta’ Elton da Silva, Ian Zammit u Andrew Ejke Obetta sabiex kisbu t-tliet punti tant importanti li ħallewhom fl-ewwel post.

Ir-referee kien Lorry Sammut.

Għaxaq Wolves komplew jikkonfermaw il-potenzjal

Aktar qabel, Għaxaq Wolves żammew il-konsistenza wara li għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 2-0. B’hekk huma baqgħu żewġ punti bogħod mill-Beltin filwaqt li komplew jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom.

Għaxaq Wolves marru minn fuq fit-48 minuta permezz ta’ Andre Mallia sabiex erba’ minuti wara Diego Fernando Ovallos Galvis żied ieħor minn penalty.

Ir-referee kien Ray Tabone.

It-tieni diviżjoni

Fit-tieni diviżjoni, Valletta Stars St Dominic huma l-leaders wara skor kbir ta’ 5-0 kontra Ħamrun Amateurs. Protagonista għall-Istilel Beltin kien l-attakkant Kolombjan Miguel Perez li kien awtur ta’ tripletta b’Mohammed Abdukadir u Federico Tejada Marine li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Ir-referee kien Peter Abela.

Attard Edex Kings kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Ħal Far Titans 3-0. Kien Fayis Ceethintavida li poġġa lil Attard minn fuq fil-25 minuta sabiex l-istess plejer skorja gowl ieħor fid-39 minuta. Kiran Das Vallikkattu issiġġilla r-rebħa għal Edex Kings.

Ir-referee kien Jules Ngangue.

It-tielet diviżjoni

Naxxar Victorians kisbu l-ewwel rebħa staġjonali fit-tielet diviżjoni wara li għelbu lil Mosta Vikings 3-2. Kien derby ferm akkanit fejn ġew skorjati erba’ gowls f’konfront ferm emozzjonanti. Kien Connor Muchmore li poġġa lin-Naxxarin minn fuq sabiex Daniel Agius irdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Fid-39 minuta Kurt Muscat naqqas il-marġni tal-iskor għall-Mostin għalkemm Dejan Mihajlovic reġa’ stabilixxa vantaġġ għall-Victorians. Eżatt mas-siegħa logħob, Kurt Muscat għaqqad doppjetta personali għal Mosta u għamel l-iskor finali 3-2.

Ir-referee kien Thomas Debono

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Paul’s 15; Għaxaq Wolves 13; Marsa St Michael’s 7; Balluta Barracudas 6; San Ġwann Pro Evolution Academy 4; San Ġiljan Saints, Ta’ Ġiorni Wanderers 1; Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 10; Attard Edex Kings 9; Senglea Gunners 7; Birżebbuġa St Peter’s AFC 6; Żebbuġ Youngsters 5; Ħamrun Amateurs 4; Gudja Wanderers 3; Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 12; Naxxar Victorians 5; Qajjenza AFC 4; St Paul’s Bay NMFC 1; Mosta Vikings 0.