Cherise Camilleri, pulizija ta’ 28 sena minn Ħal Qormi nżammet arrestata wara li ġiet mixlija li għaddiet informazzjoni sensittiva lil terzi persuni fosthom lil Lilu King – il-Libjan implikat f’diversi każi.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq, il-prosekuzzjoni spjegat kif bdiet tasal informazzjoni lill-Pulizija li xi persuni li jaħdmu mal-iskwadra tal-Pulizija kontra d-Droga bdiet tgħaddi xi informazzjoni sensittiva dwar operazzjonijiet tal-Pulzija lil terzi persuni f’dawn l-aħħar xhur, possibilment anke f’dawn l-aħħar snin.
Il-pulizija kienet ġiet infurmata wkoll li l-uffiċjal li kienet qed tgħaddi din l-informazzjoni kienet mara li kellha t-tpenġija ma’ idejha.
Eventwalment, il-Pulizija sabu li din l-uffiċjal kienet Cherise Camilleri, fejn eventwalment intalbet ħruġ għall-mandat tat-tfittxija u fit-18 ta’ Novembru ta’ din is-sena Camilleri ġiet arrestata, u saret tfittxija fuq il-mobile tagħha. Fl-istqarrija Camilleri kienet ċaħdet l-allegazzjoni u ngħatat il-police bail. Mill-extraction tal-mobile irriżulta li l-imputata kienet għaddiet informazzjoni dwar operazzjonijiet tal-Pulizija lil persuni terzi.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif fil-21 ta’ Novembru waqt arrest li saret fuq persuna fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, eżatt malli waslet Malta, fil-mobile ta’ din il-persuna nstabet iktar informazzjoni li ngħatat mill-imputat.
Charise Camilleri wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha, filwaqt li d-difiża ma kkontestatx l-arrest u ma talbietx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Maria Francesca Spiteri u l-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali, l-Ispettur Christina Delia u Lydon Zammit għall-Kummissarju tal-Pulzija.
Għall-akkużata dehru l-Avukat Arthur Azzopardi u l-Avukat Frank Tabone.
//= $special ?>