Il-każ tas-serq ta’ eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi għadu fuq fomm kulħadd, b’mijiet ta’ persuni li attendew għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista fejn saret protesta kontra dan l-iktar skandlu riċenti tal-Gvern Laburista.
U issa kien imiss lill-eks editur tal-Orizzont, Frans Ghirxi, fejn f’kitba ta’ opinjoni kiteb kif bħala Laburist ġenwin dan l-iskandlu dejqu u weġġgħu mhux ftit, bl-involviment tal-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri jħossu ddisgustat għal dak li wettqu.
Ghirxi, permezz tal-kitba tiegħu, jagħti x’jifhem li dan l-iskandlu ma kienx żball ġenwin iżda kien intenzjonat sabiex mart il-Ministru tieħu l-eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi blama tagħmel ebda xogħol li kienet teħtieġ li tagħmel.
U kien hawnhekk fejn b’mistoqsija indirizzata lit-tmexxija Laburista, staqsa “meta se jieqfu jisparaw f’saqajhom”.
Ħsara li ma saritx biss lill-intern tal-Partit Laburista iżda wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollha meta tikkunsidra li dawn il-flus misruqa għadhom ma ġewx irritornati. U dan meta tikkunsidra li anke sħabhom stess fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards ivvutaw kontra Clayton Bartolo u Clint Camilleri sabiex adottaw unanimament ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab li l-mara tal-Ministru Bartolo tħallset għal konsulenza li ma wettqitx, bil-kompliċità tal-Ministru Camilleri.
Bartolo u Camilleri nstabu ħatja li kisru l-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi liż-żewġ Ministri jekk dawn se jibqgħu ma jirriżenjawx minn jheddhom.
Ghirxi fakkar kif kull ċenteżmu li jinħareġ ikun qed jittieħed minn flus il-pubbliku u b’hekk jeħtieġ li dan ikun aġġornat dwar x’ikun qed isir ħalli jkun jista’ jiġbed l-attenzjoni fejn jara xi nuqqas.
//= $special ?>