Lokali

“Is-serq ta’ eluf ta’ ewro ma jista’ qatt jitqies bħala żball” – Michael Piccinino

“Is-serq ta’ eluf ta’ ewro ma jista’ qatt jitqies bħala żball.”

Kien dan li qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, waqt li kien mistieden fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi meta kien qed jitkellem dwar l-iskandlu ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri.

Michael Piccinino kellu jkun parti minn dibattitu ma’ rappreżentant tal-Partit Laburista iżda, kif qal Andrew Azzopardi fl-introduzzjoni, minn 44 membru Parlamentari, 12-il membru fl-Eżekuttiv u persuni oħra fit-tmexxija, il-Labour għażel li ma jibgħat lil ħadd.

Apparti minn hekk, Andrew Azzopardi stieden kemm-il darba lill-Ministru Clayton Bartolo wara l-iskandlu li ħareġ fil-beraħ dwar martu iżda permezz ta’ messaġġ wieħed, Bartolo nħeba wara l-“proċeduri fil-Parlament li għadhom ma ngħalqux” u għażel li ma jżid xejn u ma jitfaċċax fl-istudios tal-RTK.

Michael Piccinino fakkar li l-Kumitat Parlamentari sab liż-żewġ Ministri, Clayton Bartolo u Clint Camilleri, ħatja ta’ frodi b’fondi pubbliċi fuq l-impjieg fantażma tal-mara tal-Ministru u b’hekk saħaq li l-istess Ministri jeħtieġu jirriżenjaw għaliex dan żgur mhux forsi, ma kienx żball.

Is-Segretarju Ġenerali fakkar ukoll li xi ħadd fil-Labour qed jigdeb dwar it-tkeċċija ta’ Amanda Muscat, possibbilment il-Prim Ministru.

Michael Piccinino appella biex il-Pulizija tagħmel xogħalha quddiem dan l-aħħar skandlu.

Mistoqsi wkoll dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino saħaq li b’differenza għal-Labour, mal-Partit Nazzjonalista verament taf fejn qiegħed.