Lokali

Kritika lejn il-konferenzi meqjusa bħala PR għall-Ministri

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava kien ċar ħafna fuq il-media soċjali tiegħu meta qal li l-Kunsilli Lokali għandhom bżonn l-għodda meħtieġa u neċessarja biex ikunu huma li jwettqu proġetti fil-lokalitajiet u jilħqu l-aspetattivi tar-residenti u  jibqgħu relevanti.

Dwar din id-dikjarazzjoni, Net News staqsa lis-Segretarja Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Alison Zerafa Civelli xi twieġeb għal din il-kritika, bis-Segretarju tmerri dak li qed jgħid il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Mario Fava, li huwa wkoll il-President tal-Fergħa tal-Labour tal-Kunsilliera, kiteb ukoll li ma jagħmel l-ebda sens loġiku li fl-istess jiem li tkun għaddejja attività ewlenija tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali li ilha pjanata… isseħħ konferenza tal-aħbarijiet mill-istess Ministeru.

Dan b’referenza għall-Konferenza tal-Aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli fejn kienu wkoll mistiedna s-sindki u l-kunsilliera lokali.

Però, mhux biss Fava attakka wkoll lil dawn il-konferenzi iżda qal ukoll li l-għajnuna għandha tingħata f’forma ta’ għodda neċċessarja u  mhux għajnuna li tintuża bħala PR għal-ħaddiehor. Bis-Segretarju Parlamentari tgħid biss li l-interpretazzjoni tagħha hija differenti.