Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott flimkien mal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, li sabet lill-Eks CEO tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS), Joseph Baldacchino, ħati talli fil-perjodu li kien qed jokkupa dik il-kariga bejn is-snin 2016 u 2018, ħa vantaġġ privat għalih jew għall-benefiċċju ta’ xi persuna oħra, seraq jew għamel użu minn flejjes tal-gvern li ġew fdati lilu minħabba l-kariga li kellu.
Fost id-diversi episodji li ġew ippruvati u nstabet ħtija dwarhom fil-Qorti, irriżulta li Joseph Baldacchino ħa fondi pubbliċi biex ħallas għal ikla personali, qabbad ħaddiem imħallas mill-aġenzija pubblika biex waqt il-ħin tax-xogħol għamel tlett ijiem inaddaf id-dgħajsa personali tiegħu, ħa shower tray li nxtara mill-fondi tal-Aġenzija AWAS biex twaħħal fir-residenza privata tiegħu, u xtara pompa, żebgħa u stainless steel pipe għall-użu personali tiegħu mill-fondi tal-Aġenzija AWAS għall-użu personali tiegħu.
Il-Qorti ddikjarat li Joseph Baldacchino, bħala CEO tal-Aġenzija AWAS, inqeda kriminalment mill-fondi pubbliċi biex jaqdi l-bżonnijiet personali tiegħu u, b’abbuż tal-pożizzjoni tiegħu, uża sistematikament lill-ħaddiema u l-fondi tal-Aġenzija għal skopijiet personali u privati tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dan l-aġir li hu riflessjoni tal-mod kif qed iħalli jiġu amministrati l-entitajiet tal-Gvern – konferma oħra ta’ episodju ta’ abbuż ta’ fondi u riżorsi tal-pubbliku Malti.
F’dan l-aħħar żmien rajna l-istess attitudni minn Ministri fil-Gvern li ma ddejqu xejn jagħtu €70,000 lin-nisa tagħhom, u l-Prim Ministru jħalli kollox għaddej bla konsegwenza ħlief “sorry”.
Ara kif jista’ l-istess Gvern jistenna aħjar mill-entitajiet u uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħtu? L-eżempju jkaxkar.
//= $special ?>