Internazzjonali

Tiġi fix-xejn binja residenzjali wara attakk minn Iżrael

Issokta l-ġlied fil-Lvant Nofsani, bl-iktar attakk riċenti qered binja residenzjali fiċ-ċentru ta’ Beirut, il-belt kapitali tal-Libanu.

Dan l-attakk seħħ minn Iżrael kmieni s-Sibt fejn il-binja ta’ tmien sulari fid-distrett ta’ Basta ġiet milquta minn ħames missili b’riżultat li ħalliet mill-inqas 11 vittmi u 60 persuna feruta.

S’issa, l-awtoritajiet Iżreali għadhom ma kkumentawx dwar is-sitwazzjoni, filwaqt li l-militar Iżraeljan ma wissiex lir-residenti sabiex jevakwaw qabel beda dan l-attakk, bħalma normalment isir f’attakki simili fuq distretti residenzjali.

Dan l-attakk jimmarka r-raba’ wieħed fuq iċ-ċentru ta’ Beirut matu din il-ġimgħa biss wara li forzi Iżreali bdew javvanzaw lejn in-nofsinhar tal-Libanu u jattakkaw il-grupp terroristiku Hezbollah.

S’issa l-forzi u l-attakki Iżreali rnexxielhom joqtlu diversi membri tal-grupp, bħall-mexxej tagħhom Hassam Nasrallah.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa, rappreżentant mill-Istati Uniti żar Iżrael u l-Libanu bl-għan għall-waqfien mill-ġlied.

Ir-rappreżentant Amerikan, Amos Hochstein din il-ġimgħa kien fir-reġjun biex jipprova jtemm aktar minn 13-il xahar ta’ ġlied bejn Iżrael u Hezbollah, li beda f’Ottubru li għadda.

Hochstein indika li sar progress wara laqgħat f’Beirut nhar it-Tlieta u l-Erbgħa, qabel ma mar jiltaqa’ mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-Ministru tad-Difiża, Israel Katz.

Skont il-Ministeru tas-Saħħa Lebaniż, Iżrael qatel aktar minn 3,500 ruħ fil-Libanu u fera aktar minn 15,000.

Dan filwaqt li mal-1.2 (wieħed punt żewġ) miljun ruħ – kwart tal-popolazzjoni tal-Libanu – kellhom jitilqu minn djarhom minħabba din il-gwerra. Dan filwaqt li Iżrael qal li madwar 90 suldat u kważi 50 ċivili nqatlu fit-Tramuntana ta’ Iżrael.