Sport Waterpolo

Tispikka llum Valletta v Sirens fit-tieni ġurnata tal-Enemed Cup

(Ritratt: Joseph Galea)

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Enemed Cup b’erba’ partiti. Tispikka fosthom il-partita fil-5.05pm bejn Valletta Izibet u Sirens Build Fitness. It-tnejn ġejjin minn riżultati differenti, b’Valletta kienu megħluba b’distakk minimu kontra Neptunes filwaqt li Sirens għelbu lil Exiles fl-ewwel ħarġa tagħhom.

Il-Beltin li ssaħħew b’akkwist ta’ tliet plejers u l-permanenza tar-Russu Ivan Nagaev, setgħu rebħu l-konfront kontra Neptunes iżda fallew okkażjonijiet f’mumenti importanti li konsegwenza tagħhom spiċċaw fuq in-naħa telliefa. Sirens ma kellhomx prestazzjoni eċċezzjonali iżda kien biżżejjed biex kisbu rebħa komda fuq Exiles.

Sliema Frank Salt u San Ġiljan JP Projects bdew il-kompetizzjoni b’rebħiet faċli kontra Birżebbuġa u Marsaskala Optima rispettivament. Iż-żewġ sfidanti għar-rebħ tal-Enemed Cup illum jibdlu l-avversarji iżda mistennija xorta jiksbu t-tliet punti.

Birżebbuġa jinsabu f’perjodu ġdid wara li snin taħt it-tmexxija ta’ Pierre Borg, b’Edward Aquilina ġie magħżul bħala kowċ tat-tim. Birżebbuġa se jippruvaw jillimitaw id-danni kontra s-Slimiżi li jinsabu fl-aqwa perjodu tagħhom fil-preżent.

Marsaskala wkoll għandhom konfront diffiċli. Il-ġimgħa l-oħra kontra Sliema tilfu 25-0 u minkejja d-differenza fil-kwalità mat-tim Ġiljaniż, il-kowċ Arpad Babay żgur qed jistenna titjib fil-prestazzjoni filwaqt li San Ġiljan għandhom jiksbu rebħa faċilment.

Fil-logħba l-oħra, Neptunes Videoslots huma favoriti li jiksbu t-tieni rebħa. Immexxija mill-veteran Stevie Camilleri, Neptunes għelbu bi tbatija lil Valletta fl-ewwel logħba. Exiles Welbee’s sabuha diffiċli l-ġimgħa l-oħra kontra Sirens u mistennija li jkollhom diffikultà simili kontra tim b’aktar kwalità minnhom.

Logħob għal-lum

Birżebbuġa v Sliema 2.45pm, Exiles v Neptunes 3.55pm, Valletta v Sirens 5.05pm, Marsaskala v San Ġiljan 6.15pm