Lokali

Żewġ protesti mill-istudenti tal-MCAST nhar l-Erbgħa li ġej

Il-frustrazzjoni u l-inċertezza tal-istudenti tal-MCAST, iktar ma jmur, iktar qed tiżdied minħabba l- azzjonijiet industrijali li qed isiru mill-Malta Union of Teachers hekk kif l-Gvern qed ikompli iwebbes rasu sabiex jiffirma qbil mal-għalliema.

Quddiem dan, l-istudenti tal-MCAST sejħu żewġ protesti sabiex il-Gvern jieħu azzjoni mmedjata quddiem tilwima bejn il-Gvern u l-letturi li sal-lum il-ġurnata għadha mhix solvuta.

L-istudenti tal-Istitut tal-Arti u l-Kreattività se jkunu qed iwettqu protesta b’solidarjetà mal-għalliema fit-triq ewlenija li twasslek għall-kampus tal-Mosta fejn se tkun qed tibda għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart.

Protesta oħra, approvata mill-Kunsill Studenti MCAST (KSM), se tibda fil-11 am fil-Pjazza tal-Istudenti fil-kampus f’Raħal Ġdid. Studenti mill-MCAST ta’ Ħal Qormi se jkunu qed jingħaqdu mal-istudenti f’Raħal Ġdid, u se jtellgħu carcade sabiex jitolbu azzjoni urġenti.

Il-union tal-għalliema kienet ordnat lil-letturi biex jevitaw il-komunikazzjoni mal-amministrazzjoni tal-MCAST u l-istudenti barra l-ħinijiet ta’ skola, jibbojkottjaw avvenimenti, joqogħdu lura milli jiżvelaw il-marki tal-assessjar, u jillimitaw ix-xogħol għal ħidmiet essenzjali bħat-tagħlim, b’dawn id-direttivi ħarġu fis-seħħ hekk kif l-Gvern ikompli iwebbes rasu sabiex jiffirma l-agreement mal-għalliema. B’konsegwenza li bosta għalliema u studenti qed jiġu miċħuda minn dak li huwa dritt tagħhom.

Fi stqarrija mibgħuta mill-organizzaturi tal-protesti saħqu kif dawn id-direttivi qed jheddu l-prospetti tal-karriera tal-istudenti, jillimitaw iċ-ċansijiet tagħhom li jimxu ‘l quddiem fil-korsijiet tagħhom, u jnaqqsu milli jsibu impjieg.