Is-Summit COP29 ikkonkluda f’Baku, il-kapitali tal-Ażerbajġan, u meta l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkritikaw bl-aħrax il-ftehim ekwivalenti għal aktar minn 300 biljun ewro bħala wieħed li ‘bilkemm jibda mal-iskala tal-isfidi’ li qegħdin jiffaċċjaw diversi kontinenti tad-dinja.
L-għajta wara s-summit kien li l-jiem tat-taħditiet, negozjati u evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni produċew ‘ftit wisq u tard wisq’ biex l-Istati anqas żviluppati jikkonfrontaw il-bidliet fil-klima….Bidliet li qed iħallu impatt storiku mhux biss minn aspett meteoroloġiku iżda anki soċjali.
Intant, il-qofol tal-ġranet konsekuttivi ta’ negozjati f’Ażerbajġan kien il-ftehim, fost l-aktar Stati sinjuri fid-dinja, biex il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iskemi u strateġiji għall-kontroll tal-bidliet fil-klima jiżdiedu għall-imsemmija ammont – jiġifieri aktar minn 300 biljun ewro – sal-2035.
Madankollu, kelliema għall-Grupp tan-Negozjaturi mill-Afrika esprimew diżappunt għal ftehim li qalu li naqas sew mill-pronostiku oriġinali u li x’aktarx ma jżommx il-pass mal-bidliet tal-futur fil-klima.
Sadanittant, anki r-rappreżentanti tal-Indja qalu li l-ftehim għall-kontribuzzjonijiet hu wieħed fqir u inadekwat fiċ-ċirkustanzi tallum u x’aktarx li għall-ġejjieni.
Mill-banda l-oħra, il-Mexxejja tal-Punent laqgħu il-ftehim b’sodisfazzjon, b’Joe Biden, li wasal biex jispiċċa minn President tal-Istati Uniti, isostni li l-ftehim ifisser pass eqreb għad-dinja biex tirrealizza t-tragwardi relatati mal-klima.
Il-President tal-Kummissjoni Eweropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-ftehim ta’ COP29 jimmarka era ġdida għall-kooperazzjoni fl-isforzi għall-kontroll tal-effetti tal-klima u l-iffinanzjar meħtieġ. Hi kompliet li l-ftehim għandu jfisser investimenti akbar fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, fost it-tnaqqis tal-emissjonjiet u l-istrateġiji biex id-dinja tirreżisti aħjar għall-bidliet fil-klima.
Intant, diversi osservaturi jemmnu li għandu jsir ħafna aktar mill-ġganti industrijalizzati bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina u biex pajjiżi bħall-Arabja Sawdija, fost il-‘polluters’ kbar fid-dinja, jerfgħu tassew ir-responsabbiltajiet tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijet tossiċi fl-atmosfera.
Dan meta l-ifqar pajjiżi kienu talbu l-ekwivalenti ta’ 1.3 triljun ewro biex jiġġieldu aħjar il-battalja kontra t-taqlib storiku fil-klima.
//= $special ?>