Lokali

EDITORJAL MALTATODAY: “Skużi patetiċi u insult lejn il-poplu” – Bartolo u Camilleri jibqgħu fil-Kabinett

Il-Minsitri Clayton Bartolo u Clint Camilleri qed ikaxkru saqajhom biex jevitaw l-inevitabbli billi jirrifjutaw li jirriżenjaw mill-Kabinett.

Dan intqal fl-editorjal tal-gazzetta MaltaToday hekk kif intqal li nofs apoloġija sfurzata u reżistenza qawwija wara li sar magħruf l-iskandlu ta’ Amanda Muscat ċertament mhux tinżel tajjeb mal-poplu, partikolarment wara li l-Kumitat tal-Istandards approva b’mod unanimu r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, fost oħrajn li dawn abbużaw.

L-editur spjega li Muscat ingħatat eluf ta’ ewro f’konsulenza sempliċiment għax kienet is-sieħba ta’ Clayton Bartolo u agħar minn hekk ma kinitx qed twettaq xogħol rikjest imma baqgħet tagħmel xogħol ta’ segretarja privata tal-Ministru – dan ifisser, skont l-editur, li l-promotion kienet biss intiża biex tiżdidilha l-paga.

Huwa insista li dan l-aġir ma jista jkun qatt skużabbli, u l-fatt li ż-żewġ Ministri qed jiprovaw ifarfru l-ħtija tagħhom hija mhux biss patetika imma insult lejn l-intelliġenza tal-poplu.

L-editorjal tal-MaltaToday spjega li f’dawn iċ-ċirkustanza l-Prim Minsitru Robert Abela m’għandu ebda għażla ħlief li jkeċċihom ‘il barra u n-nuqqas ta’ ħeġġa biex iwettaq dan qed jesponi d-degradazzjoni morali tal-Gvern tal-Labour.

L-editur sostna li minflok xi ħadd qed jerfa’ responsabbiltà fi ħdan il-Labour qed jiprovaw jiddevjaw l-attenzjoni fuq il-Partit Nazzjonalista b’attakki deskritti bħala patetiċi intiżi biex iħawdu l-imħuħ.

Dan filwaqt li ntqal li jekk verament hemm min mhux qed jippreżenta ruħu x-xogħol mal-Gvern mill-Membri Parlamentari għandu jkun hemm bidla fil-policy biex kull Deputat ikollu pożizzjoni parlamentari full-time.

Għaldaqstant l-editur spjega li minflok jiprova jħawwad l-imħuħ il-Gvern tal-Labour għandu bżonn jerfa’ responsabbiltà minflok qiegħed jippretendi li l-poplu jagħlaq għajnejh quddiem abbuż sfaċċat.