Internazzjonali

Il-Libanu: Il-qawwiet Iżraeljani qed ikomplu jimmiraw għat-tmexxija tal-Ħeżbollah fost l-isforzi diplomatiċi għat-tmiem tal-gwerra

Kollox jindika li l-qawwiet Iżraeljani qegħdin ikomplu bl-istrateġija biex jeliminaw lill-ogħla Kapijiet tal-Ħeżbollah. Dan wara numru ta’ attakki mill-ajru fuq Bejrut, il-kapitali tal-Libanu, li komplew anki sa tmiem il-ġimgħa.

Fl-aħħar attakki nqatlu aktar minn 20, b’’il fuq minn 50 jisfaw midruba. Dan meta mifhum li l-Iżraeljani kienu qed jimmiraw għall-bini u ċ-ċentri li qed jintużaw mill-Kapijiet tal-Ħeżbollah u fejn mill-ġdid irriżultat qerda kbira.

Intant, il-kelliema għall-Ħeżbollah qalu li ma kien hemm ħadd mill-kapijiet fil-bini – bl-Iżraeljani qed jippruvaw mill-ġdid iħallu lill-grupp tal-milizji Xiti mingħajr tmexxija, tattika li rnexxiet mindu l-qawwiet Iżraeljani eliminaw lill-Mexxej Suprem tal-Ħeżbollah, Hassan Nasrallah, matul is-sajf.

Fl-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa ntużat bomba tat-tip bunker buster u li biha, l-Iżraeljani kienu qatlu lil Nasrallah wara ġimgħat ta’ ppjanar.

Diversi sorsi, fl-aħħar sigħat, qalu li l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fuq Bejrut kienu ntiżi biex jinqatel Mohammed Haydar; wieħed mill-ogħla uffiċjali tal-Ħeżbollah u li hu strumentali fil-koordinazzjoni tal-isparar tal-missili mil-Libanu lejn Iżrael.

Id-destin ta’ Haydar għadu mhux ċar, bil-qawwiet Iżraeljani ma jikkummentawx dwar l-aħħar żviluppi.

Fl-istess ħin qed ikomplu l-isforzi diplomatiċi biex jieqaf il-ġlied tal-aħħar ġimgħat bejn Iżrael u l-Ħeżbollah – bl-Iżraeljani jinsabu determinati biex ikomplu bil-kampanja kontra l-milizji Lebaniżi alleati tal-Iran.

L-aħħar eskalazzjoni fil-gwerra tal-Libanu qed isseħħ minkejja li Amos Hochstein, bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, mar fir-reġjun tal-Lvant Nofsani biex jipprova jikkonkludi ftehim għall-waqfien tal-ostilitajiet bejn Iżrael u l-Ħeżbollah.

Punti ta’ diżgwid profond

Fil-preżent, jidher li hemm wisq punti ta’ diżgwid li jostakolaw ftehim – u meta proposta speċifika qed tesiġi għal waqfien mill-ġlied, effettiv għal xahrejn, u fejn il-qawwiet Iżraeljani jimpenjaw ruħhom biex jirtiraw mil-Libanu. Kundizzjoni oħra hi biex il-Ħeżbollah ma jkomplix bil-preżenza armata mal-fruntiera tal-Libanu lejn in-Nofsinar tax-Xmara Litani.

Iżrael irid aktar garanziji biex iserraħ rasu li l-Heżbollah tassew ikunu qed jirtiraw l-armamenti minn dik iz-zona.

L-Iżraeljani anki jridu jirriservaw id-dritt li jattakkaw ‘fejn iridu’ fil-Libanu jekk jemmnu li l-Heżbollah ikunu qed jabbużaw kwalunkwe ftehim li jista’ jintlaħaq. Pożizzjoni li mhumiex qed jaċċettaw l-uffiċjali Lebaniżi li jsostnu li qbil fuq dan il-fattur għandu jaħdem bil-kbir kontra s-sovranità ta’ pajjiżhom.

Il-Mexxej tal-milizji, Naim Kassem, qal li l-grupp Ħeżbollah m’għandux jaqbel dwar ftehim li ma jimponix tmiem ‘komplut u komprensiv’ għall-aggressjoni minn Iżrael.