Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Stennija għall-attakki ċibernetiċi min-naħa tar-Russja

Ir-Russja tidher li qed tħejji għal mewġa ta’ attakki ċibernetiċi fuq ir-Renju Unit u li jistgħu jwasslu biex miljuni ta’ persuni jispiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.

Dan kollu jinkwadra fil-kampanja ostili tal-Kremlin fil-konfront tar-Renju Unit li hu fost l-akbar alleati tal-Ukrajna u li ilu x-xhur jipprovdi l-għajnuna militari lill-Ukreni biex jirreżistu l-invażjoni ta’ arthom mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Intant, l-azzjonijiet ċibernetiċi huma l-biża’ reali li qed tikber fost il-politiċi Brittaniċi; bil-Kanċillier tad-Dukat ta’ Lancaster, Pat McFadden, jisħaq dwar il-fatt li Moska hija theddida għal kulħadd…Theddida li tmur ‘il hinn mill-konflitt ta’ Moska mal-Ukreni.

Minn informazzjoni li ħarġet fl-aħħar jiem, ir-Russja x’aktarx li għandha timmira l-attakki ċibernetiċi għall-infrastruttura tal-enerġija Brittanika.

Iżda minkejja dan ir-riskju u minkejja din l-informazzjoni, ir-Renju Unit jinsab deċiż li, akkost ta’ kollox, jibqa’ jagħti s-sostenn kollu meħtieġ lill-Ukrajna biex tiddefendi l-integrità territorjali tagħha.