Internazzjonali

Ir-Rumanija: Vot għall-Presidenza qabel sensiela ta’ elezzjonijiet qabel l-aħħar tas-sena

Il-poplu Rumen qed jivvota għal President f’eżerċizzju li mistenni jkun l-ewwel fażi tal-proċess elettorali….Proċess li hu wkoll l-ewwel f’sensiela ta’ votazzjonijiet f’dan il-pajjiż li jridu jsiru qabel l-aħħar tas-sena.

Qed jikkuntestaw għall-Presidenza 13-il kandidat u li jinkludu żewġ favoriti netti….Madankollu, l-ebda kandidat mhu mistenni li jirbaħ maġġoranza assluta, bl-indikazzjonijiet kollha qed jippuntaw lejn tieni fażi tal-votazzjoni li ssir fit-8 ta’ Diċembru.

Il-vot tax-xahar id-dieħel x’aktarx li jsir ġimgħa wara l-elezzjonijiet parlamentari fir-Rumanija programmati għall-Ewwel ta’ Diċembru….Sitwazzjoni li tfisser li x-xenarju politiku fir-Rumanija kapaċi jgħaddi minn theżżiża sħiħa minn issa sal-aħħar tas-sena..

Intant, il-Prim Ministru Marcel Ciolacu, li qed igawdi l-appoġġ tal-Partit Soċjal Demokratiku ( l-akbar entità politika fir-Rumanija), mistenni li jgħaddi għar-rawnd li jmiss u fejn x’aktarx li jiffaċċja lil George Simion tal-Alleanza għar-Rumeni Magħquda, li hi entità estremista.

Ciolacu qal li għandu pjan ċar għal pajjiż aktar żviluppat li jaħseb f’kull membru tas-soċjetà. Dan minbarra pjan intern ibbażat fuq l-iżvilupp ekonomiku u politika intiża biex ir-Rumanija tkun aktar ‘rispettata u influwenti’ fuq livell internazzjonali.

Intant, hu ikkritika lill-kapijiet politiċi lokali li ma jemmnux li r-Rumanija għandha tkun protagonista fl-Unjoni Ewropea u attiva fi ħdan l-Alleanza tan-NATO. Il-Prim Ministru sostna li dawn l-estremisti politiċi jridu jispiċċaw iżolati u mwarrbin minn kwalunkwe Gvern li jieħu r-riedni f’Bucharest.