Lokali

“Jekk ibgħati in-negozju, se jsofri l-ħaddiem”

Matul djalogu indirzzat mil-Kap tal-PN Bernard Grech il-Ħadd filgħodu f’Ħal Balzan, Beppe Muscat, accountant u rappreżentant tal-Chamber of SMEs, enfasizza r-rwol essenzjali tan-negozji żgħar u medji fl-ekonomija Maltija u l-ħtieġa li dawn ma jiġu mwarrba xejn. Huwa spjega li l-proposta tat-tnaqqis fl-income tax għan-negozji, li kienet ippreżentata minn snin ilu, għadha waħda mill-proposti ewlenin tal-Chamber. Din il-miżura tista’ tindirizza l-isfidi kbar li n-negozji qed jiffaċċjaw illum, inkluż żieda fl-ispejjeż, problemi ta’ likwidità, u inċertezzi fl-investiment.

Muscat irrifera għall-aħħar stħarriġ tal-SME Barometer li wera b’mod ċar li fost l-akbar sfidi tan-negozji hemm ukoll il-kompetizzjoni inġusta u d-diffikultajiet li ġġib magħha. Huwa jemmen li din il-proposta tista’ tkun għodda effettiva biex tinċentiva l-investiment u tnaqqas il-pressjoni fuq in-negozji lokali, li għalihom ħafna drabi l-ekonomija nazzjonali tiddependi.

Muscat irrimarka li n-negozji żgħar f’Malta, li ħafna minnhom huma ġenwini u ma jgawdux minn direct orders jew tenders, għandhom rwol kruċjali fl-ekonomija u fis-soċjetà. Huwa enfasizza kif is-suċċess jew il-falliment ta’ dawn l-intrapriżi għandu impatt dirett fuq il-ħajja tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom, peress li jipprovdu prodotti u servizzi essenzjali li jsostnu lill-komunità.

Muscat esprima d-diżappunt tiegħu li minkejja li kien hemm mijiet ta’ proposti favur in-negozji, il-budget ma inkludiex miżuri sinifikanti biex jgħin lill-intrapriżi żgħar. Huwa saħaq li għandu jkun hemm aktar rikonoxximent tar-rwol importanti tan-negozji fil-pajjiż u appell lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni konkreta biex jindirizzaw l-isfidi tagħhom.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Muscat reġa’ enfasizza l-importanza li lin-negozji ma ninsewhomx, u sostna li dawn huma pilastru fundamentali tal-ekonomija Maltija.