Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Luxol Sherries Estates u Hibernians jibqgħu bla telfa

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Luxol Sherries Estates……………90

Valletta Lions……………………….89

(21-21)(22-24)(22-21)(25-23)

F’waħda mill-isbaħ partiti ta’ l-istaġun, Luxol Sherries Estates kisbu t-tielet rebħa minn tlett partiti meta wara tmiem mill-isbaħ għelbu lil Valletta Lions 90-89. Luxol irkupraw lil Jean Paul Schembri fil-waqt li Valletta kienu mingħajr Lorenzo Anderson u Andy Attard. Valletta se jkollhom Amerikan ġdid għall-partiti li jmiss, Ashton Spears li però għadu mhux disponibbli. Luxol fetħu tajjeb bit-trippli ta’ Darron Howard u Nathan Xuereb għalkemm Valletta kellhom risposta permezz ta’ Eric Terry li għamel l-ewwel tmien punti tagħhom. Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ wara punti minn Caleb Jones Mccrary qabel ma kien hemm trippla fuq kull naħa minn Nicholas Grech u Xuereb. Valletta temmew il-perjodu bi break ta’ 8-2 biex l-ewwel taqsima ntemmet f’parita 21-21. Valletta fetħu t-tieni sessjoni bi trippli ta’ Grech u Nikola Vasovic biex ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 30-25. Xuereb reġa’ wieġeb bi trippla għal Luxol li komplew bi break ta’ 9-3 biex kienu huma li marru fuq quddiem 39-35. Valletta ma damux biex reġgħu ħadu l-vantaġġ hekk kif kienu huma li għamlu run ta’ 10-2 u minkejja l-aħħar żewġ baskets ta’ Howard, fl-intervall il-Beltin kienu basket minn fuq 45-43.

Fit-tielet sessjoni Valletta żammew il-vantaġġ hekk kif bdew bit-trippli ta Francesco Mifsud Bonnici. Għal ħin twil it-teamijiet irrispondew lil xulxin u Luxol kellhom jistennew sas-seba minuta biex imorru minn fuq 58-57 wara punti konsekuttivi minn Mccrary. Valletta ma damux biex ħadu l-vantaġġ grazzi għal trippla oħra minn Mifsud Bonnici u aktar tard run ta’ 9-0 għal skor ta’ 66-58. Luxol tħabtu fl-aħħar ħinijiet u għamlu seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 65-66. L-aħħar sessjoni offriet emozzjonijiet kontinwi bil-vantaġġ jinbidel kontinwament. Kienu Luxol li marru minn fuq b’5 punti konsekuttivi però Valletta wieġbu bi break ta’ 10-3. Wara risposta minn Xuereb għal Luxol, Grech kellhu trippla oħra għal Valletta li baqgħu fuq quddiem 78-73.  L-aħħar sekondi kienu l-aktar emozzjonanti fejn Valletta bdew l-aħħar minuta 4 minn fuq. Azzjoni ta’ 3 punti minn Vasovic kienet imwieġba bi trippla ta’ Howard għal differenza ta’ punt. Mifsud Bonnici għamel free-throw minn tnejn però fl-aħħar 8 sekondi Mccrary poġġa lil Luxol minn fuq. Kien għad fadal ċans għall-attakk ieħor ta’ Valletta però t-tentattiv ta’ Stelmach kien blokkat minn Mccrary biex Luxol ħadu r-rebħa 90-89.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 28, E. Caruana Montaldo, A. Azzopardi, I. Azzopardi, V. Jandric 2, JP Schembri, N. Xuereb 17, P. Engelbert, N. Bukva 4, C. McCrary 35, M. Matijevic 4, S. Cappello.

Valletta Lions: N. Grech 19, F. Mifsud Bonnici 10, P. Stelmach 16, A. Attard, D. Schembri 1, J. Camilleri, N. Vasovic 20, M. Farrugia, S. Vincic, E. Terry 23.

Referees: Nicky Azzopardi, Fiorentina Ciurariu, Nestor Rincon

Hibernians…………….100

Starlites JSD………….84

(23-14)(23-16)(23-29)(31-25)

Hibernians wieġbu għar-rebħa ta’ Luxol meta għelbu lic-champions Starlites JSD 100-84 biex ħadu l-ħames rebħa tal-kampjonat u t-tieni waħda fuq l-istess Starlites dan l-istaġun. Il-partita rat lil Starlites iwettqu rimonta bejn it-tielet u r-raba’ taqsima però sofrew ir-ritorn tal-Hibs tard fil-partita. Fil-waqt li Starlites kienu mingħajr Kurt Xuereb, il-coach tal-Hibs reġa’ nkluda lill-players li serraħ kontra Tigers. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat bi Starlites imorru 7-5 minn fuq wara trippla ta’ Matthew Scerri. Hawn però Hibs għamlu run qawwija ta’ 17-0 b’diversi punti minn Matthew Gouder flimkien ma’ Derek Brown, Tederick Wolfe u Ivan Demcesen. Starlites finalmet waqqfuhom b’basket ta’ Scerri u trippla ta’ Andrew Aquilina però Hibs temmew it-taqsima 23-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, kien hemm aktar bilanċ bill-punti jaslu fuq iż-żewġ naħat. Gouder għamel trippla oħra biex kabbar il-vantaġġ ta’ Hibs però Starlites kellhom il-punti minn Benjamin Curran u Trevon Reddish. Lejn tmiem it-taqsima, kien hemm trippla fuq kull naħa minn Ian Felice Pace u Gouder qabel ma Hibs għamlu tlett baskets mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 46-30 minn fuq.

Il-bidu tat-tielet taqsima kien aktar missielet hekk kif Starlites bdew inaqssu d-distakk bil-punti ta’ Reddish. Hibs però ma qagħdux lura u kellhom it-trippli minn Browb u Stefan Simic biex fis-sitt minuta kienu 22 punt minn fuq 66-44. Hawn però c-champions ġew f’tagħhom u għamlu run ta’ 15-3 fosthom trippla ta’ Curran flimkien ma’ Joseph Davies u Louie Farrugia biex naqqsu d-distakk għal 10 punti 69-59 fi tmiem il-perjodu. Fl-aħħar taqsima, r-rimonta ta’ Starlites kompliet hekk kif bdew bi break ta’ 11-4 u naqqsu d-distakk għal 3 punti 70-73. Gouder waqqafhom bi trippla però punti ta’ Reddish, Curran u Kolten Mortensen raw lil Starlites jaslu sa’ basket ‘l bogħod 76-78. Hibs irkupraw minn dan il-mument diffiċli u għamlu 12 –il punt mingħajr risposta fosthom żewġ trippli minn Brown u oħra ta’ Gouder biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 90-76. Starlites dehru maħsuda u minkejja żewġ trippli lejn it-tmiem minn Scerri u Aquilina, Hibs ħarġu rebbieħa 100-84 b’dunk finali ta’ Wolfe.

Hibernians: N. Cassar 2, T. Wolfe 21, D. Brown 25, P. Attard, L. Attard, V.Kustodija, A. Axiaq, M. Gouder 22, T. Gjurovski, M. Mallia 5, I. Demcesen 20, S. Simic 5.

Starlites JSD: B. Curran 21, J. Davies 3, A. Aquilina 6, K. Fabri, I. Felice Pace 9, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 16, L. Farrugia 4, N. Sultana, K. Mortensen 4, T. Reddish 21.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Miguel De Flavia.

Athleta AtoZ……………115

Tigers………………………62

(28-8)(36-24)(30-13)(21-17)

Athleta AtoZ finalment kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Tigers 115-62. Athleta kienu bl-iskwadra kompluta bl-eċċezzjoni ta’ Isaac Xuereb fil-waqt li sfortunatament kellhom biss seba’ players għal din il-partita. Athleta bdew il-partita b’ritmu qawwi u kisbu vantaġġ ta’ 10-0 grazzi għal punti minn Kurt James u Maxwell Amoafo. Wara li Keith Micaller għamel l-ewwel basket ta’ Tigers, Athleta komplew bil-momentum tagħhom, fejn Caleb Matthews skurja 9 punti konsekuttivi, inkluż trippla flimkien m’oħra ta’ Juan Cefai f’run ta’ 11-0 biex l-ewwel perjodu intemm 28-8 favur Athleta. Fil-bidu tat-tieni sessjoni, Athleta komplew isaħħu l-vantaġġ tagħhom b’aktar punti ta’ James flimkien ma’ Cefai u Robert Vitale. Serge Hamparsoumian u Ferdinad Lisondra wieġbu għal Tigers, iżda James, Luca Borg u Matthews wieġbu bi tlett trippli. Athleta għamlu run oħra ta’ 15-3 lejn it-tmiem it-taqsima, u daħlu għall-intervall fuq quddiem 64-32.

Athleta żammew l-istess andament fit-tielet perjodu fejn bdew bi trippla ta’ Billy Zammit u l-punti ta’ James u Amoafo f’run ta’ 11-2. Għal Tigers Hamparsoumian u Lisondra kienu l-aktar attivi qabel ma l-players ta’ Sandro Farrugia komplew b’run ta’ 11-2 u kabbru l-vantaġġ għal 94-45 fi tmiem is-sessjoni. Għalkemm il-logħba kienet prattikament deċiża, Athleta baqgħu iżidu fl-aħħar sessjoni. Matthews u James komplew jagħmlu l-ħsara b’punti konsekuttivi fejn għaqqdu l-mitt punt fit-tieni minuta 101-45. Tigers kellhom il-punti minn Hamparsoumian u Lisondra però l-vantaġġ ta’ Athleta kien wieħed komdu u biex ħadu rebħa konvinċenti ta’ 115-62.

Athleta AtoZ: B. Zammit 3, R. Vitale 5, M. Amoafo 26, A. Garcia, C. Matthews 26, M. Azzopardi 4, K. James 30, M. Farrugia 2, A. Bozanic 4,  L. Borg 5, J. Cefai 9, G. Cassar 1.

Tigers: E. Masilungan 3, S. Hamparsoumian 24, K. Micaller 11, M. Jalkh 2, F. Lisondra 16, S. Saakian 4, D. Militello 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Wendell Lim, Nicky Azzopardi