Lokali

“Malta hija l-bogħod ħafna milli jkollha trasport pubbliku li jaqdi l-ħtiġijiet tal-lum”

Matul djalogu indirzzat mil-Kap tal-PN Bernard Grech il-Ħadd filgħodu f’Ħal Balzan, John Ebejer, senior lecturer fl-Università ta’ Malta, enfasizza l-bżonn urġenti li jsir investiment sostanzjali fit-trasport pubbliku f’Malta. Dr. Ebejer spjega kif it-trasport pubbliku attwali mhuwiex ta’ kwalità biżżejjed biex jilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ kuljum tar-residenti, u dan iwassal għal traffiku, frustrazzjoni, u telf ta’ ħin sinifikanti, flimkien ma’ livelli għoljin ta’ tniġġis li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Huwa tenna li s-sitwazzjoni preżenti, fejn ħafna nies huma obbligati jiddependu fuq il-karozza privata minħabba nuqqas ta’ fiduċja fis-sistema tat-trasport pubbliku, mhix sostenibbli. Dan mhux biss jagħmel ħsara lill-ambjent permezz ta’ emissjonijiet għoljin ta’ karbonju, imma wkoll iżid l-istress speċjalment fuq iż-żgħażagħ, li jsibu ruħhom taħt pressjoni biex jixtru karozza.

Ebejer kompla billi semma kif pajjiżi oħra, li adottaw sistemi avvanzati bħal trams u trasport pubbliku effiċjenti, joffru mudell li jista’ jkun eżempju għal Malta. Barra minn hekk, żoni pedonali jistgħu jiġu implimentati biss jekk ikun hemm alternattivi ta’ trasport li huma vijabbli u affidabbli.

F’kuntest ta’ turizmu li evolva ħafna matul is-snin, huwa nnota li t-turisti tal-lum ifittxu li jesploraw lil hinn miċ-ċentri prinċipali. Trasport pubbliku affordabbli u effiċjenti mhux biss itejjeb il-mobilità tal-lokal, iżda wkoll jippermetti lill-viżitaturi jgawdu bis-sħiħ is-sbuħija ta’ Malta.

Ebejer għalaq billi appella għal investiment fit-tul li mhux biss isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, iżda wkoll jagħmel il-pajjiż aktar aċċessibbli u sostenibbli għal kulħadd.