Lokali

“Nuqqas serju ta’ governanza tajba fil-PL”

‘Hemm nuqqas serju ta’ governanza tajba fil-Partit Laburista – u l-effett li jħalli l-iskandlu huwa wieħed ta’ diviżjoni u sforz biex il-Ministri jiddefendu l-indifensibbli’.

Kien dan li ddikjara Mario Thomas Vassallo l-Kap tad-Dipartiment tal-Policy, Politika u Governanza fl-Università ta’ Malta f’intervista li saritlu mill-Malta Independent, fejn iddiskuta l-iskandlu li feġġ fl-aħħar ġranet b’rabta mal-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri.

Huwa spjega illi l-każ ta’ Bartolo u Camilleri, huwa każ ċar ta’ nepotiżmu, fejn il-mara tal-Ministru ġiet impjegata abbażi ta’ konnessjonijiet li kellha mal-istess Ministru u mhux għax kellha kwalifiċi biex tagħmel dan.

Mario Thomas Vassallo argumenta wkoll li mhux minnu dak li qed jgħid il-Prim Ministru Robert Abela, illi l-każ ta’ Justyne Caruana huwa differenti minn dan ta’ Bartolo, anzi huwa wieħed simili mmens fejn partners ta’ Ministri ingħataw impjieg minkejja li ma għandhomx l-iċken idea ta’ x’suppost qed jagħmlu.

Bil-lettur jgħid li huwa minnu li d-degrees u d-diplomas mhux kollox – iżda huma l-bażi ta’ kollox, filwaqt li spjega wkoll li wieħed għandu bżonn il-kariżma, u l-esperjenza.

Dan kollu ntqal fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissarju tal Istandards fil-Ħajja Pubblika, sab li l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri abbużaw mill-poter tagħhom meta taw 70,000 ewro konsulenza lill-ħabiba tal Ministru Bartolo – Amanda Muscat, għal xogħol li ma għamlitx.

Intant, l-argument ta’ Clayton Bartolo – biex jiddefendi l-aġir kundanabbli tiegħu – huwa li d-degrees u d-diplomas mhux kollox fil-ħajja.