Sport Sport Ieħor

Se ssir it-tielet edizzjoni tat-tornew tal-Milied Marindex Trophies organizzat minn Paola Volleyball Club

Bejn it-Tnejn 16 u l-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru 2024 se ssir it-tielet edizzjoni tal-Marindex Trophies Volleyball Christmas Tournament organizzat minn Paola Volleyball Club. Issa dan it-tornew sar jagħmel parti mill-kalendarju tal-volleyball lokali, se jsir fil-Padiljun tal-Isport f’Kordin u barra t-team tan-nisa mill-Ewwel Diviżjoni ta’ Raħal Ġdid, Paola Executive Security immexxi minn Michael Magro u assistit minn Antonio Borg, se jieħdu sehem ukoll it-teams ta’ Flyers mis-Super League u Depiro mill-Ewwel Diviżjoni.

Dan it-tornew jagħmel parti mill-istrateġija tat-team Pawlist biex ikompli jippromwovi din id-dixxiplina sportiva f’pajjiżna. Dr Kenneth Vella, President tal-club u f’isem il-kumitat tat-tmexxija rringrazzja lid-diriġenti tal-clubs ta’ Flyers u Depiro li mill-ewwel laqgħu l-istedina biex jieħdu sehem fit-tornew għall-ewwel darba u anki lil coaches tal-club u l-kumitat Pawlist. Hu anki rringrazzja lil Marindex Trophies li għal sena oħra huma l-isponsors ewlenin ta’ dan it-tornew.

“Kif kien mistenni dan l-istaġun għat-team tagħna li qiegħed jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni huwa wieħed importanti biex jerġa jikseb il-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni. Sal-lum il-club minn Raħal Ġdid rebaħ kull partita mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni u f’kull logħba qiegħed jiġu inklużi players li ħarġu min-nursery tal-club. Attwalment bħala club qegħdin nieħdu diversi inizjattivi anki biex inkomplu nsaħħu n-nursery tagħna grazzi għall-ħidma kontinwa ta’ coaches oħra li jagħmlu parti mill-istaff tekniku, fosthom Carmen Gauci, Bogdan Lackovic u Alex Albanese u anki mil-lat amministrattiv b’impenn kontinwu ta’ Alexia Brincau, Tiziana Bonnici u Claire Falzon. Alessio Muscat ukoll qiegħed jikkordina kull nhar ta’ Sibt sessjonijiet ta’ volleyball għad-divertiment fl-istess padiljun ta’ Kordin,” tenna Dr Vella.

Dan kollu qiegħed jiġi kkumplimentat u msaħħaħ mill-ftehim ta’ kollaborazzjoni li għandu l-club ta’ Raħal Ġdid ma’ dak tas-Serie A1 fl-Italja Akademia Sant’Anna. Fil-fatt aktar inizjattivi li se jittieħdu mal-club Taljan se jitħabbru fil-bidu tas-sena d-dieħla, b’uħud minnhom anki miftuħa għal pubbliku sportiv u t-tfal li jħobbu jipprattikaw il-volleyball.

Dwar it-tornew hu saħaq ukoll li dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball immexxija mill-President l-Inġinier Edward Gatt u l-isponsors ewlenin Marindex Trophies. Ringrazzjament ukoll imur lejn sponsors oħra tal-club bħal Executive Security Services, Yes2Health Fitness Club, Maypole, HandsOn Systems, Izibet u Dragonara Casino And Brasserie. 

Finalment hija l-intenzjoni ta’ Paola Volleyball Club li dan it-tornew ta’ żmien il-Milied jibqa jiġi organizzat anki fis-snin li ġejjin. L-edizzjonijiet tal-passat ta’ dan it-tornew intrebħu minn Birkirkara u Paola Executive Security.

Il-programm tat-tornew se jkun is-segwenti –

It-Tnejn 16 ta’ Diċembru

5.30pm Paola Executive Security vs Flyers

L-Erbgħa 18 ta’ Diċembru

5.30pm Paola Executive Security vs Depiro

Il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru

4.30pm Depiro vs Flyers